Luke Cremona ta’ 21 sena wieġeb mhux ħati wara li dalgħodu ġie mixli b’numru ta’ akkużi, fosthom li kkawża biża’ lil ommu li jista’ tintuża vjolenza kontriha, li kiser il-Protection Order, u li ma żammx mar-regoli imposti fuqu f’każ separat.
L-Ispettur Sherona Buhagar spjegat kif il-Pulizija lemħu lill-akkużat viċin il-Ġerma f’Wied il-Għajn, u kif dan lemaħhom, telaq jiġri.
Aktar tard fl-istess jum, huwa reġa’ deher fl-inħawi tal-Furjana u hemm reġa’ ħarab mill-Pulizija.
Eventwalment, l-akkużat ġie arrestat filgħaxija.
Huwa ġie mitkellem, fejn ġie stabbilit li l-akkużat isofri mill-vizzju tad-droga u tal-alkoħol, għalhekk id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest tiegħu biex jinżamm taħt superviżjoni bil-għan li jidħol fi proċess ta’ riabilitazzjoni.
Madankollu, il-qorti rrifjutat din it-talba u ordnat li jibqa’ arrestat.
Sadanittant, ilbieraħ il-pulizija ppubblikat isem u ritratt tal-akkużat sabiex titlob l-għajnuna tal-pubbliku b’rabta ma’ investigazzjoni pendenti.