Il-Prosekuturi f’Los Angeles, fl-Istati Uniti, qed jevalwaw evidenza ġdida, li tista’ twassal sabiex l-aħwa Menendez, jerġgħu jgħaddu ġuri, jew saħansitra jinħelsu.
Il-każ tal-aħwa Menendez huwa fost l-aktar rinomati, tant li għadu kemm ħareġ serje fuq Netflix, bl-isem ta’ Monsters, li jitratta l-istorja tagħhom – fejn qatlu lill-ġenituri tagħhom, f’villa f’Beverly Hills.
Lyle u Erik Menendez, ta’ 56 u 53 sena, rispettivament, qed jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs mingħajr parole, għal dan il-qtil doppju permezz ta’ sparatura, fl-1989.
Fil-fatt, dan il-każ se jerġa’ jinfetaħ, wara li ġiet żvelata evidenza ġdida, li turi li Erik Menendez, kien abbużat sesswalment minn missieru, li kien involut fix-xena mużikali.
L-aħwa qalu li huma qatlu lill-ġenituri tagħhom, sabiex jiddefendu lilhom infushom, mill-abbuż fiżiku, emozzjonali u sesswali mill-ġenituri tagħhom.
Minkejja dan, il-Prosekuturi, kienu qablu li dan id-delitt, kien motivat mir-rebgħa, hekk kif wara li qatlu lill-ġenituri tagħhom, huma xtraw arloġġi, karozzi u proprjetà. Huma ingħataw din is-sentenza fl-1996.
Il-familjari tal-aħwa, tkellmu favurhom, filwaqt li tkellmu dwar l-abbuż li għaddew minnu l-aħwa.
Qed tiġi analizzata wkoll ittra li Erik Menendez bagħat lill-kuġin tiegħu, fejn tkellem dwar l-abbuż li jwettaq missieru fuqu, filwaqt li hemm allegazzjoni ta’ abbuż ta’ persuna li kienet taħdem ma’ Josè Menendez.
B’hekk, se jkun hemm smigħ u kumpilazzjoni ta’ provi, nhar is-26 ta’ Novembru – fejn jista’ jwassal għal sentenza ġdida, jew li jerġgħu jgħaddu ġuri.