Żagħżugħ ta’ 26 sena minn San Ġwann ġie arrestat wara li allegatament tajjar mara ta’ 30 sena minn Ħal Għaxaq u baqa’ sejjer.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu, bil-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq id-Dragunara, San Ġiljan.
Immedjatament, fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard, hi ġiet iċċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi gravi.
Investigazzjonijiet mill-Pulizija wasslu sabiex ftit tal-ħin wara nstabet vettura tal-għamla Toyota Vitz, li allegatament kienet involuta fl-inċident, u hemmek ġie arrestat iż-żagħżugħ għal aktar stħarriġ.
Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia, li fetaħ inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.