Il-Valletta Local Food Festival ta’ din is-sena se jara l-kapitali tinbidel f’xenarju tal-arti kulinarja Maltija bħala vetrina dinamika tal-kċina u l-kultura lokali, b’togħmiet awtentiċi li jesploraw it-talenti ta’ kokijiet u artiġġjani lokali.
Dan il-festival, organizzat fl-isfond pittoresk tal-Valletta Design Cluster, se jittella’ l-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Ottubru mis-6:00 ta’ filgħaxija u l-11:00 ta’ bil-lejl, waqt li l-Ħadd 20 ta’ Ottubru bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-5:00 ta’ waranofsinhar.
Id-dħul hu bla ħlas.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal kif din hi opportunità biex jiġi espost dak li hu lokali u jinġiebu flimkien persuni f’ċelebrazzjoni ta’ dak li jagħmel lil Malta unika.
“Fost l-affarijiet li rridu nippriservaw f’dan il-pajjiż hu dak li jiddistingwina, anke kulturalment u dak li għandu x’jaqsam mal-ikel, u allura Valletta Food Festival jolqot dan kollu.”
Iċ-Chairman tal-VCA, Jason Micallef
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr kif, bħala Gvern, jemmnu bis-sħiħ li dawn l-avvenimenti huma kruċjali biex ikomplu jiġu ppriservati l-kultura u l-istorja tagħna, permezz tat-togħmiet uniċi tal-gżira tagħna.
“Festivals bħal dawn għandhom l-għan li jiċċelebraw dawn l-aspetti Maltin illi jiddistingwuna minn popli oħrajn għaliex jitkellmu dwar dak li nagħmlu aħna l-Maltin.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Dan l-avveniment huwa organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u appoġġjat minn Visit Malta. Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit uffiċjali tal-VCA – vca.gov.mt – jew fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook.