Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, ħabbar li fetħu n-nomini għal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2024.
Waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz Verdala, hu fakkar kif dan il-premju għandu l-għan li jirrikonoxxi lil dawk il-ħaddiema f’pajjiżna, li jispikkaw fl-etika u fl-impenn li juru fuq il-post tax-xogħol tagħhom jew fil-komunità, waqt li jippromwovi l-iżvilupp personali u professjonali tal-ħaddiema.
Angela Agius, Chairperson tal-bord tal-għażla tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena, spjegat kif il-premju ġie żviluppat b’viżjoni ċara li tpoġġi lill-ħaddiem fiċ-ċentru tal-ekonomija u tirrikonoxxi lil individwi u timijiet li jħaddnu l-valuri u l-etika tax-xogħol, b’eżempji straordinarji fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li dan il-premju hu avveniment li jirrikonoxxi l-bżulija u r-reżiljenza tal-ħaddiem Malti.
“Għalhekk hu importanti li nirrikonoxxu l-ħaddiem Malti, għax kif għedt hu s-suċċess u l-frott tas-saħħa li għandha l-ekonomija Maltija.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul
In-nomini se jagħlqu l-Ġimgħa 15 ta’ Novembru, filwaqt li s-serata tal-għoti tal-premjijiet issir is-Sibt 7 ta’ Diċembru.
Dawn in-nominazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi mingħajr ħlas u huma miftuħa għal impjegati, min iħaddem, dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll organizzazzjonijiet fis-Settur Pubbliku, privat u tal-komunità.
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi permezz tal-websajt premjuhaddiem.gov.mt, fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.