Disgħin fil-mija tax-xogħlijiet fuq il-promenade ta’ Qui-Si-Sana f’Tas-Sliema huma kompluti hekk kif matul ix-xhur tas-sajf, il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kienu impenjati jirranġaw din iż-żona popolari mal-Maltin u daqstant ieħor it-turisti.
Matul is-snin, il-promenade sofra ħafna ħsarat prinċipalment minħabba li qiegħed tant viċin il-baħar u x-xogħlijiet meħtieġa kienu jinkludu t-trattament tax-xibka ta’ taħt kif ukoll it-travi, li kienu għadhom fi stat reparabbli.
Ix-xibka tal-ħadid qed tingħata żebgħa apposta u kisja b’materjal addattat għal dan il-post qrib il-baħar.
Il-kolonni qegħdin ukoll jiġu trattati u jinżebgħu mill-ġdid b’żebgħa marittima. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt żjara lill-ħaddiema, is-Segretarju Parlamentari responsabbli, Omar Farrugia, enfasizza fuq l-importanza li għandhom dawn ix-xogħlijiet biex jiġu salvagwardjati s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jiffrekwenta din iż-żona, kif ukoll biex terġa’ tingħata dehra isbaħ li tikkumplimenta x-xenarju pittoresk tal-madwar.
“Bħala Gvern, fl-aħħar xhur intensifikajna x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ madwar il-pajjiż kollu biex inkomplu nsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
Is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow tenna dwar l-importanza li tali xogħlijiet għandhom, mhux biss għat-tisbiħ taż-żona, li hi ffrekwentata minn mijiet ta’ nies, iżda wkoll biex tkun imħarsa s-saħħa tagħhom.
“Qed isir xogħol vera siewi. Hawnhekk kien hawn problemi fejn ix-xibka qed taqsam. Nirringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed jagħmel xogħol kbir. Kull meta tkellimt mas-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia dejjem sibt il-bibien miftuħin u tkellem miegħi u fehmni.”
Is-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow