L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex jiddefendi l-interessi tal-operaturi tat-tugboats, li ħafna minnhom huma intrapriżi żgħar u medji.
Dan fid-dawl ta’ regoli ġodda li qed jitfasslu bil-għan li jkun hemm monitoraġġ fuq kemm jużaw fjuwil u kemm iniġġsu l-vapuri fl-ibħra tagħna.
Għalkemm b’mod ġenerali r-regoli huma tajbin, għax marbutin mal-miri ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-ittra tiegħu, Attard saħaq li dawn inġustament ipoġġu lill-operaturi tat-tugboats fl-istess keffa ma’ dawk tal-vapuri tal-ġarr tal-merkanzija.
Dr Attard talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi r-regolamenti, bil-għan li operaturi Maltin u Ewropej li l-parti l-kbira tagħhom joperaw fil-portijiet tagħna ma jitgħabbewx bl-istess piż amministrattiv u finanzjarju ta’ kumpaniji ferm akbar minnhom li joperaw fl-ibħra internazzjonali.
“Sodisfatt ninnota li wara li ktibt lill-Kummissjoni Ewropea, kelli laqgħa pożittiva ma’ direttur tal-istess Kummissjoni, li matulha ttrattajna mhux biss l-isfidi, imma aktar importanti minn hekk, fuq kif se negħlbuhom. Filwaqt li rridu nibqgħu kommessi li ntejbu l-ambjent ta’ madwarna, jeħtieġ nipproteġu l-kompetittività tal-industriji tagħna, għax b’hekk inkunu qed nipproteġu wkoll ix-xogħol ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin u Ewropej.”
Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Daniel Attard
F’dan il-kuntest, Attard sostna li għandu jibqa’ jitħares aktar l-ambjent marittimu u tkun inċentivata l-industrija marittima biex tibqa’ kompetittiva, hekk kif eluf ta’ Maltin u Ewropej għandhom xogħolhom dipendenti minn dan is-settur.