Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma jridx jagħmel apoloġija lid-Deputat Laburista Carmelo Abela talli l-Partit Nazzjonalista rikeb fuq il-gidba fil-konfront tiegħu u qal li Abela kien involut fl-attentat hold-up fuq il-bank HSBC fl-2010.
Meta mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News dwar jekk hux se jagħmel tali apoloġija, Grech qal li issa wieħed jara.
Grech qal, “Wara li dak il-każ jitlesta, imbagħad, wieħed jara,” fejn il-ġurnalist staqsa, “Jiġifieri ħa titlob apoloġija dakinhar?”
Grech irrisponda, “Wieħed jara minn dik id-direzzjoni.”
Grech għamel din id-dikjarazzjoni, minkejja li l-Qorti kienet iebsa fid-deċiżjoni tagħha, għax minbarra li sabet li Jason Azzopardi gideb fuq Carmelo Abela, fakkret kif il-libertà tal-espressjoni ma tagħti l-protezzjoni lil ħadd biex jippubblika bl-addoċċ fuq il-mezzi soċjali.
Bernard Grech biex jiddefendi lil min poġġih Kap, ipprova jitfa’ l-każ taħt it-tapit.
Qal, “Mela jiena nifhem li hemm min qed jipprova jagħmel anke issue minn din is-sitwazzjoni.”
Grech qal hekk fl-isfond li, fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista kien imgiddeb ukoll minn żewġ inkjesti separati wara li, għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista rikeb fuq il-gideb u l-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi dwar mewt fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.
Madankollu, il-Kap Nazzjonalista għażel li jaħrab milli jwieġeb domanda oħra fuq Jason Azzopardi.
Il-ġurnalist staqsih, “Lil Jason Azzopardi għadek tarah bħala asset kif għedt mal-Lovin’?”
Dwar Jason Azzopardi, Bernard Grech kien sejjaħlu bħala riżorsa għall-Partit Nazzjonalista u l-pajjiż fl-aħħar jiem.
Qal, “Jien naħseb li hu riżorsa għall-pajjiż. Jason Azzopardi kien Deputat, kien Ministru ta’ Gvern Nazzjonalista wkoll. Kien riżorsa u asset għall-pajjiż u għall-partit u naħseb li għadu riżorsa għall-pajjiż.”