Il-miżura tal-Baġit li jmiss li permezz tagħha se jitwessgħu l-faxex tat-taxxa, se twassal għal aktar tkabbir ekonomiku u aktar flus fil-but tan-nies.
Iddikjara dan il-Kummissarju tat-Taxxa, Joseph Caruana, waqt li kien mistieden fuq il-bulettin prinċipali ta’ ONE News il-Ħamis filgħaxija.
“It-twessigħ tat-tax bands għandu jgħin biex ikun hemm aktar flus fil-but allura n-nies barra li jgawdu kwalità aħjar tal-ħajja, allura jkollhom aktar flus x’jonfqu. Dan iwassal biex ikun hemm aktar attività fl-ekonomija.”
Il-Kummisarju Caruana qal dan b’reazzjoni għat-tħabbira tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li nnota kif din il-miżura mistennija tħalli mal-mitt miljun ewro fil-bwiet tan-nies.
Matul l-intervent tiegħu, il-Kummissarju tat-Taxxa tkellem ukoll dwar il-ħidma li jwettaq l-uffiċċju tiegħu, b’mod partikolari dik li beda fl-aħħar xhur u li permezz tagħha qed tinġabar aktar taxxa dovuta.
Dan kollu wassal biex minkejja ċ-ċirkostanzi kollha ekonomiċi, pajjiżna ma kellu l-ebda introduzzjoni jew żidiet fit-taxxa eżistent.
Caruana spjega li din il-ħidma hi msejsa fuq tliet pilastri, il-ġbir tat-taxxa dovuta b’aktar għarfien, il-konformità minn kull min irid iħallas it-taxxa u l-infurzar f’każ fejn it-taxxa ma tkunx tħallset mal-ewwel.