Kunsillier Nazzjonalista ta r-raġun lill-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, talli żarma l-istand tal-Moviment Graffitti fil-Freshers’ Week.
F’kumment fuq Instagram, Aiken Zerafa, Kunsillier fil-Mosta, faħħar lill-KSU li, matul is-satra tal-lejl, żarmaw l-istand tal-Graffitti, għax, skontu, dawn jgħidu kontra t-tmexxija Universitarja.
Fil-fatt, hu qal li tal-Graffitti l-ewwel jgħidu kontra l-KSU, imbagħad, jippretendu li ma jiġri xejn. Zerafa kien qed jirreferi għall-fatt li tal-Graffitti ħarġu stqarrija fejn ikkundannaw lill-organizzazzjoni tal-Freshers’ Week fl-Università, għax tat prijorità akbar lill-aspett kummerċjali, flok lill-għaqdiet tal-istudenti.
Persuna, li kienet fost dawk li wieġbet lil Zerafa, qaltlu li mnalla hi ma tgħix il-Mosta, għax kieku tiġi ċċensurata jew issir vendikazzjoni magħha hemm ukoll.
Fil-fatt, kienu bosta li rrikonoxxew l-ipokrezija tal-KSU hekk kif kien ir-Rettur tal-istess Università li, fil-bidu tas-sena akkademika, appella lill-istudenti biex ma jibżgħux jgħidu tagħhom.
Wara li friegħi tal-Partit Laburista kkundannaw dan l-aġir ta’ ċensura, ingħaqdet ukoll l-għaqda xellugija Żminijietna li sejħet d-deċiżjoni bħala waħda li ssibha biss fl-aktar soċjetajiet magħluqa u anke tmur kontra l-valuri Ewropej għall-espressjoni ħielsa f’demokrazija.
Membri fi ħdan il-KSU mhux l-ewwel darba li jaffiljaw rwieħhom ma’ membri tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.