Il-Parlament Ewropew illum ħareġ l-ewwel stħarriġ tal-Unjoni Ewropea ta’ wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda u li eleġġew seba’ mija u ħames Membru Parlamentari Ewropej, b’sitta minnhom huma Maltin.
Filwaqt li jagħti ħarsa lejn il-votazzjoni, l-istħarriġ, li kellu l-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 24 elf persuna mis-27 stat membru, inkluż dawk Maltin, jara wkoll x’inhuma l-prijoritajiet ewlenin taċ-ċittadini Ewropej.
F’Malta l-biċċa l-kbira tal-votanti qalu li kienu motivati mill-ambjent u t-tibdil fil-klima biex jivvutaw. L-għoli tal-ħajja, imbagħad kien is-suġġett ewlieni għaliex ħafna ma vvutawx.
Malta taqbeż bil-kbir il-medja Ewropeja fin-numru ta’ nies li vvvotaw f’dawn l-elezzjonijiet, li kien jammonta għal 73%, filwaqt li l-pajjiżi kollha tal-unjoni ammonta għal 51%. Il-maġġoranza tal-Maltin qalu li jivvotaw għax huwa d-dmir tagħhom bħala ċittadini.
Sadanittant, 88% tal-Maltin qalu li l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jħallu impatt fuq ħajjithom.