It-tifun Krathon li laqat il-Lbiċ tat-Tajwan ikkaġuna żewġt imwiet filwaqt li għat-tieni ġurnata konsekuttiva sforza l-għeluq tas-swieq finanzjarji u mijiet ta’ titjiriet sfaw kanċellati.
Karatterizzat bħala Tifun tal-kategorija 1 huwa laħaq l-art mill-port prinċipali ta’ Kaohsiung fejn ħalla warajh ħerba, bil-Gvern iħeġġeġ lin-nies biex ma joħorġux minn darhom.
Il-midja tat-Tajwan qed tlaqqam dan it-tifun bħala wieħed stramb hekk kif huwa rari li tifuni jolqtu l-kosta tal-Punent u anke deher idur barra l-kosta qabel ma wasal fuq l-art.
Aktar minn 100,000 dar tinsab bla dawl, nofshom f’Kaohsiung filwaqt li persuna ġiet irrappurtata nieqsa u 219-il persuna oħra sfaw midruba.
Skont iċ-ċentru tal-Emerġenza fit-Tajwan il-mejta huma sewwieq ta’ 66 sena li ntlaqat minn ġebel u anzjan ta’ 70 sena li waqa’ meta kien qed jiżbor siġra fil-ħin tat-tifun.