“Irridu nibqgħu ngħożżu s-sigurtà f’pajjiżna”. Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, waqt li kien qed jiġi intervistat fuq il-programm ‘Bil-Fatti’, minn Claudia Cuschieri.
Dan hekk kif tkellem, fost l-oħrajn, dwar l-emendi approvati fil-Kabinett b’turija ċara ta’ fiduċja u appoġġ sħiħ fil-Korp tal-Pulizija.
Hu rrimarka kif dan il-Gvern investa bis-sħiħ fil-Korp tal-Pulizija biex ikunu protetti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u, anke, permezz ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Dr Abela spjega kif din l-emenda se tara żieda fil-piena massima, filwaqt li se telimina l-fakultà li tingħata sentenza sospiża, filwaqt li qal li aġir ta’ vjolenza fuq dawn l-uffiċjali qatt mhu aċċettabbli.
“Meta inti tattakka lil min hu inkarigat miż-żamma tal-buon ordni u s-sigurtà pubblika, hemmhekk iċ-ċansijiet huma li ħa tispiċċa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, b’piena li hi ogħla milli kienet sal-lum. Jiġifieri għandek dawk iż-żewġ aspetti u hemmhekk dak il-messaġġ li jrid jintbagħat. Jien nemmen li hu messaġġ li trid tibgħatu s-soċjetà b’mod ġenerali, li dan it-tip t’attakki mhumiex aċċettati. Dan hu pajjiż li minn dejjem għożż is-sigurtà tiegħu u dik is-sigurtà rridu nibqgħu ngħożżuha, irridu nibqgħu nippriservawha, għax hi waħda mill-iprem kwalitajiet li għandu dan il-pajjiż. Is-sinjal li tajna b’dik l-emenda li issa niddibattuha fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla, hu messaġġ ċar f’dik id-direzzjoni.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
B’rabta mas-settur edukattiv, il-Prim Ministru elenka kif is-sena skolastika bdiet bl-aqwa ftehim kollettiv fl-istorja, hekk kif l-edukaturi jifformaw is-sinsla tas-soċjetà.
Tkellem ukoll dwar l-azzjoni industrijali mil-letturi tal-MCAST, fejn qal li bid-djalogu u d-diskussjoni, nistgħu naslu wkoll – permezz ta’ żidiet ġenerużi, raġjonevoli u sostenibbli, filwaqt li appella biex dawn il-miżuri ma jimpattawx lill-istudenti.
“Jiena nappella wkoll biex kwalunkwe miżuri industrijali ma jkunux jimpattaw lill-istudenti. Hemm disputa bejn il-Gvern u l-Union rispettiva, hemm l-għodod li wieħed jista’ jsolviha dik id-disputa. Jien nemmen li l-aqwa għodda tibqa’ l-mejda tat-taħditiet u madwar il-mejda tat-taħditiet bil-buon sens miż-żewġ naħat bir-raġjonevolezza bil-prinċipji tar-relazzjonijiet industrijali tradizzjonali li jiggwidawna, imma f’kuntest ukoll li rridu nagħtu ftehim kollettiv ukoll li jkun ġeneruż. Nemmen li nistgħu naslu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru wkoll tkellem dwar il-jedd tad-dritt tal-espressjoni, li jġib ukoll miegħu l-obbligu tar-rispett. Hu qal dan fid-dawl ta’ żewġ episodji matul din il-ġimgħa, dak fil-konfront tad-Deputat Laburista Carmelo Abela u dak b’rabta mal-mewt ta’ Stephen Mangion.
B’rabta maċ-ċensura tal-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, fuq il-Moviment Graffitti, il-Prim Ministru qal li l-attiviżmu hu meħtieġ, filwaqt li l-Università għandha tkun post tad-djalogu u, b’hekk, dawn il-persuni m’għandhomx jiġu ċċensurati.
Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn il-gwerra qiegħda teskala, Dr Abela aċċenna għall-importanza tal-paċi … prinċipju li pajjiżna ilu jisħaq dwaru, saħansitra fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Hu tkellem dwar kif, fil-fora internazzjonali, hu indirizza wkoll diversi temi, fosthom dawk klimatiċi.
Meta mistoqsi dwar il-baġit għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat nhar it-28 t’Ottubru, il-Prim Ministru semma kif dan se jkun baġit ta’ differenza, hekk kif se jindirizza l-middle class u jwessa’ t-tax bands, b’inċentivi favur il-viżjoni u d-direzzjoni għall-għaxar snin li ġejjin – għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Qal li dan fuq kollox hu baġit li jinċentiva s-settur edukattiv u ambjentali, filwaqt li jindirizza r-realtajiet u l-isfidi.
“Baġit li jindirizza, kif qegħdin nagħmlu f’dawn l-aħħar ġimgħat, kwistjonijiet bħal ħaddiema barranin li huma meħtieġa għal pajjiżna b’mod sostenibbli, dak żejda li ma jidħlux f’pajjiżna. Baġit li jinċentiva s-settur edukattiv, is-settur ambjentali, li jindirizza r-realtajiet u l-isfidi li għandu dan il-pajjiż. Baġit li jagħti direzzjoni ċara ta’ Gvern iffokat bi strateġija ċara li se tieħu lil dan il-pajjiż ’il quddiem u nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li kellna f’dawn l-aħħar snin, iżda nindirizzaw l-isfidi u minn kull sfida jirnexxielna noħolqu opportunità għall-futur.”
Il-Prim Ministru Robert Abela