“Madwar kwarta ta’ miljun ewro se jibqgħu fil-but tal-anzjani.” Dan kien kliem is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcom Paul Agius Galea, waqt li kien qed iħabbar li s-servizz tat-Telecare se jkun qed jiġi mtejjeb u offrut lill-anzjani ta’ akar minn 80 sena mingħajr ħlas.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Ħamrun, wieħed miċ-ċentri moderni u mgħammrin bl-aħħar teknoloġija, Agius Galea tenna li, bħalissa, is-servizz tat-Telecare jgawdu minnu madwar 5,000 anzjan u anzjana.
Issa mill-1 ta’ Ottubru dawk ta’ ’l fuq minn 80 sena, se jingħaqdu ma’ persuni ta’ 60 sena jew aktar li jgħixu waħedhom u għandhom il-Karta r-Roża jew dik Safra valida, li diġà qed igawdu minn dan il-benefiċċju b’xejn.
Minbarra hekk, is-sistema se tkun kompatibbli mal-kumpaniji kollha, li jipprovdu s-servizz tat-telefonija wara negozjati li kien hemm mill-Gvern.
Bis-sistema tat-Telecare, persuni anzjani jistgħu jagħmlu kuntatt mal-call center, li jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, biex jiġu assistiti b’mod immedjat.
Huma jiġu pprovduti b’apparat tradizzjonali, li miegħu jiġi pendent b’buttuna tal-SOS, li taqbad sa 100 metru bogħod mill-apparat, waqt li hemm ukoll varjazzjoni oħra, bħat-Telecare On The Move, li tintuża f’każi ta’ persuni bid-dimensja, bil-buttuna taqbad ukoll ma’ qraba li jkunu jafu fejn qegħdin.
F’kummenti ma’ ONE News, Stephanie Kent, Direttriċi tal-Community Wellbeing, li spjegat it-teknoloġija kollha li fiha s-sistema u għalxiex hi importanti li tali apparat jintuża.
“It-Telcare on the Move taħdem permezz ta’ sim card u allura l-persuna żżommu magħha fil-but jew fejn tixtieq hi u tista’ toħroġ barra mid-dar u xorta waħda hemm tracking system biex il-qraba tagħha, f’każ li tiġi f’xi diffikultà biex tirritorna lura d-dar, ikunu jafu fejn qegħda. Hemm diversi vantaġġi oħra tat-Telecare on the Move, fosthom fall detector, geofencing. Huma kollha biex jgħinu lill-anzjani jgħixu fil-komunitat ħajja attiva,” qalet Kent.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea saħaq kif din l-iskema mhux biss se tkun qed tagħti serħan il-moħħ lill-anzjani, imma anke lil qrabathom waqt li ma jaqfluhomx ġewwa, b’mod partikolari dawk bid-dimensja. “U allura naħseb li hi xi ħaġa ferm importanti, anke għall-qraba tal-anzjani tagħna biex naraw li l-qraba wkoll ikollhom serħan il-moħħ li l-anzjani tagħna qegħdin f’ambjent sigur u ambjent tagħhom fejn huma kuntenti u komdi wkoll.”