Il-linja tal-ajru Irlandiża, Ryanair, tinsab f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet Maltin biex tiftaħ it-tieni jew it-tielet sit għall-manutenzjoni tal-ajruplani fostna. Dan awtomatikament ifisser investiment ieħor massiċċ fl-industrija tal-avjazzjoni li, fl-aħħar snin, rat tkabbir sinifikanti u qed jiġu offruti mpjiegi tal-ogħla kwalità.
Ta’ min ifakkar li, fl-2022, l-istess kumpanija, li wkoll għandha l-fergħa tagħha f’pajjiżna, il-Malta Air, investiet fl-ewwel hangar tagħha lokali, li jesa’ tliet ajruplani f’daqqa f’Ħal Luqa, bi spiża ta’ 20 miljun ewro, proġett li bih inħolqu aktar minn 200 xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin.
Issa l-intenzjonijiet għal żvilupp ieħor akbar tħabbar proprju waqt konferenza tal-aħbarijiet, li saret fl-uffiċini tal-Malta Air f’Tal-Pietà, li ġiet indirizzata, fost l-oħrajn, mill-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair, Michael O’Leary.
“We’re talking to the Maltese authorities to see if we can can secure a site for a second or a third maintenance hangar and we are also talking to the tourism authority and the government about growing our business here in Malta, over the next 10 years. Ryanair will deliver 300 more new aircrafts Boeing and we would like to see if we can base another five or seven of those aircrafts here in Malta and grow our annual traffic from 4 million passengers to 7 or 8 million passengers by 2030.”
Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair, Michael O’Leary
Waqt din il-konferenza wkoll tħabbru tliet rotot ġodda tal-linja tal-ajru għall-iskeda tax-xitwa minn u lejn Malta. Dawn huma Pariġi fi Franza, Katowice fil-Polonja u Ruma fl-Italja.
Mistoqsi dwar kif qed iħarsu lejn l-iskeda tax-xitwa fejn jidħlu bookings, il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair qal li l-andament jidher pożittiv ħafna, hekk kif it-turisti minn madwar l-Ewropa qed iħarsu lejn Malta bħala d-destinazzjoni ideali tagħhom mhux biss għas-sajf, iżda wkoll għax-xitwa, il-ħarifa u r-rebbiegħa.
“We are seeing very strong bookings on all our flights to Malta in winter. Malta is increasing and becoming more and more popular for winter sun, for people want to take a break in autumn or spring with a guarantee of good weather, so Malta is perfect destination for this kind of tourism.”
Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair, Michael O’Leary
Intqal kif l-iskeda rekord tax-xitwa għal din il-linja tal-ajru, se tkun operata b’seba’ ajurplani bbażati f’pajjiżna, li jfisser investiment ta’ seba’ mitt Sterlina diretti lejn Malta u sapport lil 4,000 impjieg lokali.
Minn Malta r-Ryanair ttir lejn 69 rotta.
Matul din is-sena, it-traffiku tar-Ryanair f’pajjiżna kiber b’24%, fejn fl-aħħar 18-il sena minn kemm ilha topera minn hawn ġarret aktar minn 27 miljun passiġġier.
Ir-RyanAir qalet li, biex tiċċelebra t-tliet rotot ġodda minn u lejn Malta, nediet skont fuq 50,000 siġġu bil-prezz ta’ inqas minn għoxrin ewro.
Mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News dwar il-possibbiltà li jerġa’ jibda jtir minn Malta lejn il-Lvant Nofsani, fosthom pajjiżi bħall-Ġordan, u anke l-Marokk fl-Afrika, il-Kap Eżekuttiv tar-RyanAir qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex dan iseħħ fil-futur qarib.