Sebgħin organizzazzjoni mhux governattiva u volontarja ġew rikonoxxuti għall-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-komunità u bbenefikaw minn fond totali ta’ €300,000.
L-iskema Community Development and Innovation Fund ġiet introdotta fl-2021, bil-għan li tippromwovi riċerka, innovazzjoni u żvilupp permezz ta’ finanzjament ta’ proġetti li jtejbu l-kwalità ta’ ħajja fil-komunità.
Din l-iskema tat opportunità lill-għaqdiet mhux governattivi biex jimplimentaw proġetti innovattivi fil-komunità, billi anke użaw ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika bħala għodod biex iżidu aktar għarfien dwar dawn is-suġġetti fil-komunità u fl-istess waqt jippromwovu l-innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, ippreżenta l-għotjiet lil dawn l-għaqdiet u saħaq dwar l-importanza ta’ din l-iskema.
Intqal li din l-iskema tikkonferma wkoll l-impenn tal-Gvern lejn is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni fil-livell komunitarju u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini sabiex ikollhom rwol dirett fl-iżvilupp ta’ soċjetà aktar b’saħħitha anke għall-ġejjieni.