L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin wera d-dispjaċir tieghu għal fatt li fil-ftuħ tas-Sena Forensi, ma tħallewx jidħlu għas-seduta l-fotografi u l-camerapersons mill-midja lokali, fosthom ONE News.
Intqal li wara li ntalbet spjegazjoni dwar dan, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati sostniet li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
L-IĠM iħoss li dan l-aġir imur kontra l-ispirtu tal-Kostituzzjoni li tipproteġi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni.
Fl-istqarrija ntqal li l-Maġistrati u l-Imħallfin mhumiex xi setta sigrieta u qatt m’għandhom iġibu ruħhom daqslikieku huma.
L-Istitut qal li jifhem ċertu tħassib li jista’ jitqanqal meta l-uċuħ tal-ġudikatura jixxandru fil-mezzi tax-xandir, iżda dan qatt m’għandu jwassal biex l-istess ġudikatura taħdem b’mod mistur.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jisħaq li s-sistema ġudizzjarja tagħna hi waħda pubblika u hekk għandha tibqa’.
Fl-istqarrija l-IĠM nnotat li sfortunatament, din is-sena, il-Prim Imħallef għażel li jreġġa’ l-arloġġ lura.