Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, ikkundanna l-attakk li fetaħ Kevin Cassar fuq il-ġudikatura fl-aħħar jiem.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru Attard irreaġixxa għall-mod li bih Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami, esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu u kkundanna l-fatt li l-Qorti, f’żewġ sentenzi separati, illiberat lil sitt eks kunsillieri u sindki li kienu akkużati b’miżapproprjazzjoni ta’ fondi Ewropej u li ffrodaw lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.
Cassar, fl-artiklu ppubblikat fuq ix-Shift News, fejn ukoll kien selettiv fost il-persuni involuti u għamel enfażi biss fuq Claudette Abela Baldacchino, għax inzertat kandidata u rappreżentata tal-Partit Laburista, qal li l-Qrati qed jimxu b’ideat ambigwi u saħansitra qed jimmanipulaw il-liġi kif jixtiequ huma.
Il-Ministru Attard rreaġixxa għal dan kollu billi qalilna hekk:
“Meta wieħed jattakka direttament lill-ġudikatura hu mill-aktar deplorabbli u fuq kollox jiena nikkundanna wkoll lil dawk li qegħdin fi skiet assolut f’kuntest li għandek il-ġudikatura li qed tiġi attakkata b’dak il-mod.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Hawn Attard nnota wkoll id-double standards tal-istess Cassar u persuni oħrajn li jassimilaw ma’ attakki simili, bħalma huma dawk mill-għaqda Repubblika u mill-establishment Nazzjonalista, meta l-Gvern jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-prinċipji, li għandha tħaddan il-ġudikatura.
“Meta nafu li, meta jkun hemm pronunzjament min-naħa tal-Gvern bl-aktar mod responsabbli, ikunu tal-ewwel li joħorġu jiddefendu s-saltna tad-dritt. Is-saltna tad-dritt mhijiex à la carte, is-saltna tad-dritt trid tiġi difiża b’mod konsistenti u b’mod kredibbli u kif, fl-aħħar mill-aħħar, jagħmel il-Gvern biex nassiguraw li nwettqu riformi li jsaħħu s-saltna tad-dritt u fuq kollox isaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura tagħna.”
Il-Ministru Jonathan Attard
AQRA AKTAR: