Mill-bidu tas-sena sa nofs Settembru daħlu aktar minn 13,600 rapport għand id-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni, li minnhom issolvew aktar minn tlieta u disgħin fil-mija. Bil-maġġoranza tagħhom ukoll jiġu indirizzati f’temp ta’ ftit sigħat minn meta d-Dipartiment jirċievi r-rapport.
Din l-informazzjoni tħabbret mis-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, waqt li żar lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni f’Delimara.
Intqal li l-maġġoranza ta’ dawn ir-rapporti ddaħħlu permezz tal-app, waqt li numru sew ukoll iddaħħlu permezz tal-linja 1718.
B’dan ifisser li aktar nies qed jieħu l-inizjattiva biex jinformaw lill-awtoritajiet dwar problemi, bħall-ħmieġ fit-toroq, rimi illegali u manutenzjoni f’żoni ta’ rikreazzjoni.
Din iż-żieda fir-rapporti hi attribwita għall-kampanja edukattiva ta’ ‘Xummiemu’.
Is-Segretarju Parlamentari Bedingfield sostna li din il-kampanja wriet b’mod ċar kemm il-poplu hu konxju tal-importanza li pajjiżna jinżamm nadif. Intqal li meta jkun hemm ħidma kollettiva, jistgħu jinkisbu riżultati pożittivi.
“Inħeġġeġ in-nies iniżżlu l-app tagħna ‘Clean and Upkeep’, għax permezz ta’ din id-download ikunu qegħdin jgħinu lid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni biex inkomplu flimkien inżommu Malta nadifa.”
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield