Nhar il-Ġimgħa li għadda għalqu l-applikazzjonjiet għall-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika organizzata minn Festivals Malta fejn għal darb’oħra, kien hemm rispons tajjeb b’diversi sottomissjonijiet minn kompożituri, kantanti u bands lokali b’kanzunetti ta’ diversi ġeneri mużikali.
Frans Aguis, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta stqarr li dan ir-rispons juri kif dan Mużika Mużika stabilixxa ruħu bħala festival ewlieni fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna mhux biss għall-udjenzi li jsegwu dan il-festival iżda wkoll għal-kompetituri.
Il-proċess issa jitkompla mill-bord ta’ Mużika Mużika flimkien mat-tim ta’ Festivals Malta permezz tal-fażi li jmiss li tikkonsisti f’sessjonijiet ta’ evalwazzjoni minn ġurija esperta fejn ikunu magħżula l-aħjar 30 kanzunetta minn dawk sottomessi.
Il-kanzunetti magħżula ser jiġu interpretrati b’mod dirett akkumpanjati minn backing track.
Din is-sena ser jintgħażlu 16-il kanzunetta semifinalista ta’ Mużika Mużika li mbagħad jikkompetu fil-festival f’Marzu tas-sena d-dieħla, ser jiġu mħabbra wara prova diretta li ser jsiru fix-xahar ta’ Ottubru.
Il-qofol tal-festival ser isir bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla fejn l-ewwel serata mhux se tkun waħda eliminatorja.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.muzikamuzika.mt.