Din il-ġimgħa timmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid fil-vjaġġ edukattiv ta’ ħamest elef student, li se jibdew jistudjaw fl-Università ta’ Malta din is-sena.
Crew ta’ dan l-istazzjon żar l-attività, bħala parti minn Fresher’s Week, li hi sinonima fil-kalendarju edukattiv f’istituzzjonijiet Post-Sekondarji u Terzjarji. Dan għax, minbarra li l-istudenti l-ġodda jkollhom l-ewwel lezzjonijiet tagħhom, ikunu jistgħu jorjentaw irwieħhom qabel ma tirranka s-sena skolastika.
Il-maġġoranza tal-istudenti, li tkellmu magħna, esprimew l-ottimiżmu tagħhom għal din l-esprjenza li se jimbarkaw fuqha.
Minkejja l-attività li ddominat diversi nħawi tal-kampus fl-Imsida, il-Moviment Graffitti u l-għaqda studenteska Pulse, ikkritikaw l-aġir tal-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, għall-mod li bih reġa’ alloka l-ispazju lill-kumpaniji privati għad-detriment tal-istudenti.
Fi stqarrija konġunta dawn l-għaqdiet tennew kif, minflok, din il-ġimgħa ngħata spazju biex l-istudenti ġodda jiltaqgħu flimkien u mal-għaqdiet studenteski, qed tintuża mill-kumpaniji privati li jisponsorjaw lill-KSU biex ikunu preżenti.
Huma nnotaw kif din mhux l-ewwel sena li tali aġir qed iseħħ, hekk kif fl-aħħar sentejn ukoll iddominaw sitwazzjonijiet simili fejn l-għaqdiet tal-istudenti ingħataw il-ġenb u tpoġġew f’tinda maġenb il-librerija prinċipali, waqt li l-kumpaniji jkunu jistgħu jarmaw f’postijiet aktar prominenti tal-Università.