Il-Veterani Laburisti appellat favur aktar għarfien dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni anzjani, waqt li wkoll jiġi apprezzat aħjar il-kontribut li dawn jagħtu lis-soċjetà.
Waqt li sellmet lill-anzjani kollha Maltin u Għawdxin, il-fergħa tal-Partit Laburista qalet dan fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Persuni Anzjani, li jiġi ċċelebrat fl-1 ta’ Ottubru, waqt li ngħaqdet ma’ għaqdiet oħrajn madwar id-dinja għal dan il-għan.
It-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għal din is-sena hi ‘Xjuħija b’Dinjità: L-Importanza tat-Tisħiħ tas-Sistemi ta’ Kura u Appoġġ għall-Anzjani Madwar id-Dinja’, u l-Veterani Laburisti qalet li dan il-jum għandu jservi biex nirrikonoxxu li d-drittijiet kemm tal-persuni anzjani li jirċievu l-kura kif ukoll tal-carers, li huma essenzjali biex ikollna soċjetà aktar reżiljenti.
Fi stqarrija, il-fergħa Laburista qalet li “rridu nkomplu naħdmu biex nikkultivaw sistema ta’ kura li jkollha l-persuna fiċ-ċentru tagħha u li tkun sostenibbli u ġusta. Irridu wkoll nagħtu vuċi akbar lill-persuni anzjani biex niżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fit-tiswir tal-politika li tolqothom.”
Kompliet li, fl-okkażjoni ta’ din il-ġurnata internazzjonali, għandu jiġġedded l-impenn biex inkomplu nsaħħu s-servizzi tal-kura u s-sapport li jagħtu ġieħ lid-dinjità tal-persuni anzjani u min jieħu ħsiebhom. Għaldaqstant ħeġġet lil kulħadd biex isib ftit ħin biex jieqaf jitkellem ma’ xi persuna anzjana.