Fl-aħħar jiem, Malta uffiċjalment iddikjarat in-naħla Maltija bħala insett nazzjonali tal-pajjiż, u b’hekk ingħaqdet ma’ ħames speċi nazzjonali oħra – il-bużaqq, il-merill, widnet il-baħar, l-għargħar u l-qabru.
Wara li anke kienet ‘The Foundation for the Conservation of the Maltese Honey Bee’ li ħadmet biex tiġi mgħarfa uffiċjalment lin-naħla Maltija tal-Għasel (Apis mellifera ruttneri) bħala l-Insett nazzjonali tan-nazzjon, din l-inizjattiva oriġinat minn studju kollaborattiv li kien sar mal-Universita’ ta’ Malta bit-titlu “Protection of the endemic Maltese Honey Bee”. Il-pubblikazzjoni li ħarġet minnha rriżultat minn sħubija bejn il-Fondazzjoni, l-awtur ewlieni David Chetcuti Dimech, u l-Professur Simone Borg.
Kien fil-jum Dinji tan-Naħal, nhar l-20 ta’ Mejju 2023, li t-tliet amministraturi tal-Fondazzjoni, Abner Joe Buttigieg, Dylan Farrugia, u Neil Cutajar, ressqu talba formali lill-Awtorita’ dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), akkumpanjata minn ittra li tiddeskrivi l-proposta, fejn din it-talba kienet milqugħa u għaddiet minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, bl-avviż legali li jiddikjara n-naħla Maltija tal-Għasel bħala speċi nazzjonali tinħareġ fl-24 ta’ Settembru li għadda.
In-naħla Maltija ddikjarata insett nazzjonali – ONE
Tkellimna ma’ Matthew Grima Connell, Team Manager fl-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, fejn spjega li fl-aħħar tad-disgħinijiet, kien sar studju u ħareġ li n-Naħla Maltija hija sottospeċi endemika.
“Minbarra l-mard li ħakem li ħakem il-Gżejjer Maltin fil-bidu tad-disgħinijiet, din in-naħla spiċċat ġiet ipperikolata minħabba t-taħlit ta’ ġenetika ma’ speċi oħrajn li kienu impurtati, u ovjament, din il-problema kull ma jmur qiegħda tikber.”
MATTHEW GRIMA CONNELL
Matthew Grima Connell qalilna kif minħabba f’hekk, il-Ministeru flimkien mal-ERA ħassu l-bżonn li jkun hemm din il-liġi, li m’hijiex l-unika ħaġa li sar, fejn anke se tkun qiegħda tgħin mhux biss fil-protezzjoni legali, imma bil-kunċett qed iżidu l-kariżma tal-ispeċi u anke tidħol fis-sistema edukattiva biex ikun hawn għarfien aktar tagħha mill-Maltin fuqha.
Semma kif meta il-Ministeru iddeċieda li jkun hemm din il-liġi, flimkien mal-ERA, saret konsultazzjoni pubblika biex anke tittieħed l-opinjoni tal-pubbliku fuq din il-liġi, liema liġi tipproteġi din in-naħla li hija parti mill-wirt naturali tagħna.
Titnieda konsultazzjoni pubblika biex in-naħla Maltija tiġi ddikjarata Speċi Nazzjonali – ONE
“Din hija biss parti mill-protezzjoni li ha nkunu qiegħdin nagħtu, qiegħdin nagħmlu studji fuq id-dakkara kollha li nsibu f’pajjiżna, biex anke nifhmu aħjar x’inhi s-sitwazzjoni tan-naħla Maltija fil-pajjiż tagħna, u wkoll qed tinħema policy li hija strateġija fuq id-dakkara ġewwa pajjiżna illi tul is-sena d-dieħla ħa tkun anke qed tieħu l-opinjoni ta’ nies li għandhom x’jaqsmu mas-settur tal-apikoltura u nies oħra li huma nteressati f’dan is-settur biex hekk l-istrateġija, għal darb’oħra, tkun qed tieħu l-opinjoni tal-pubbliku li huma nteressati.”
MATTHEW GRIMA CONNELL
In-naħla Maltija, li nfakkru li hija waħda endemika għal pajjiżna fejn tinstab f’Malta biss, tintgħaraf b’karatteristiċi speċifiċi, b’ġisimha, saqajha u anke ġwenħajha huma iżgħar. Naraw li għandha pil kemxejn itwal, kapaċi tirreżisti s-sħana, u tipproduċi l-għasel fil-kundizzjonijiet kiefra ta’ pajjiżna, b’differenzi minn kull xorta ta’ naħla oħra f’pajjiżi differenti.
Ritratt © Mario Vella