Fl-ewwel tmin xhur tas-sena l-Gvern kellu surplus ta’ €99 miljun fil-finanzi tiegħu. Dan kien l-aqwa riżultat li qatt ġie osservat fil-perjodu tax-xhur Jannar-Awwissu mindu bdiet tinġabar din l-istatistika.
Dan l-ammont ukoll jiżboq is-surplus preċedenti tal-2019 ta’ €84 miljun.
Iżda dwar dak tal-lum irid jiġi rrimarkat, li dan ukoll meqjus straordinarju għall-fatt li wasal wara erba’ snin mill-aktar diffiċli għal pajjiżna. Bħall-bqija tal-Ewropa u d-dinja, Malta ffaċċjat l-agħar pandemija f’għexieren ta’ snin, li kienet teħtieġ spejjeż ferm akbar għall-protezzjoni tas-saħħa tal-poplu u l-industriji, flimkien ma’ gwerra, li fil-każ ta’ pajjiżna rat l-injezzjoni ta’ miljuni kbar oħra biex jilqgħu għad-daqqiet esaġerati fil-kriżi tal-enerġija, il-ġwież u ċ-ċereali.
F’dan il-perjodu wkoll kellna l-akbar defiċit minħabba l-ammont ta’ finanzi li kellhom jiġu investiti, tant li fl-ewwel sena tal-COVID-19 dan qabeż il-€1 biljun.
Tali investimenti, iżda, xorta waħda taw raġun lid-deċiżjonijiet u l-politika tal-Gvern, li għażel li jipproteġi lill-poplu biex ikompli b’ħajja kważi normali, waqt li salva eluf ta’ mpjiegi u negozji biex b’hekk l-ekonomija ma ħadet l-ebda daqqa qawwija, kif ġara f’pajjiżi oħrajn.
B’hekk pajjiżna wkoll kien minn tal-ewwel li rkupra, mentri oħrajn għadhom sal-lum ma jistgħux isibu saqajhom kif mixtieq, minkejja li marru għal miżuri ta’ awsterità.
Sitwazzjoni simili f’pajjiżna kienet seħħet fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista. Li, bil-maqlub tal-lum u erba’ snin wara kriżi oħra, li kienet ferm iżgħar, il-politika tiegħu ta’ awsterità kienet wasslet għal żbilanċ finanzjarju ta’ €268 miljun fil-Fond Konsolidat bejn Jannar u Awwissu tal-2012.
Kellu jkun Gvern ieħor Laburista li naqqas l-iżbilanċ fl-erba’ snin ta’ wara, sal-2017, meta, imbagħad, kien irreġistra l-ewwel surplus ta’ €31 miljun.
Differenti mill-mod kif kien aġixxa Gvern Nazzjonalista tnax-il sena ilu, issa l-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela, li ffaċċja l-agħar sfidi globali, wassal biex idawwar l-iżbilanċ ta’ €90 miljun fl-ewwel tmin xhur fl-2023 għal bilanċ fil-finanzi pubbliċi din is-sena, b’titjib ta’ €189 miljun.
Tali titjib qawwi bla preċedent, li kien ukoll ħafna aħjar minn dak antiċipat fil-baġit, seħħ għax id-dħul tal-Gvern kiber b’rata ferm akbar milli żdied il-ħruġ.
Fil-fatt id-dħul tal-Gvern kiber b’rekord ta’ €693 miljun jew b’aktar minn 17%, bil-maġġoranza taż-żieda kienet dovuta għal dħul akbar mill-Income Tax, mill-Bolla u l-VAT. Dan kien jirrifletti t-tkabbir sostnut fl-ekonomija Maltija.
L-ispiża tal-Gvern kibret b’inqas miż-żieda fid-dħul, anke jekk iżjed minn terz tagħha kienet dovuta għat-titjib fil-benefiċċji soċjali, bħall-pensjonijiet u ċ-Children’s Allowance, waqt li kien hemm ukoll żieda fl-ispiża fil-pagi, bit-titjib fil-ftehim kollettivi ta’ diversi kategoriji ta’ ħaddiema mas-Servizz Pubbliku.
Sinifikanti wkoll kien il-fatt li, minħabba l-andament pożittiv tal-finanzi pubbliċi, bejn Frar u Awwissu li għaddew id-dejn tal-Gvern naqas bi kważi €26 miljun.