L-għaqda volontarja Breeds of Origin Conservancy uffiċċjalment nediet il-kampanja ‘Inħarsu l-Wirt Nazzjonali’, li l-objettiv tagħha hu li l-ispeċi u s-sottospeċi endemiċi, l-bhejjem indiġeni u l-varjetajiet agrikoli tal-lokal jitħarsu u jitqiesu bħala Wirt Nazzjonali.
L-ewwel parti tal-kampanja qed timmira li żżid l-għarfien dwar il-mogħża ndiġena Maltija. Dan wara t-talba li tressqet mill-istess għaqda volontarja, flimkien mal-Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ, lill-Awtoritajiet Kompetenti sabiex il-mogħża ndiġena tal-Gżejjer Maltin tiġi klassifikata bħala ‘Popolazzjoni Tradizzjonali’ li tinsab f’qagħda kritika, stmata taħt l-1,000 ras, u r-razza rikonoxxuta bħala waħda ‘Lokali’ u mhedda.
Darryl Grech, Fundatur ta’ Breeds of Origin Conservancy, qal li biex jkompli jkun rikonoxxut l-wirt nazzjonali li għandu pajjiżna, ħassew l-ħtieġa li jagħmlu din il-kampanja permezz tal-għana folkloristika. Qal kif hu ta’ unur kbir għalihom għax barra li qed jippruvaw jżidu l-għarfien dwar l-importanza li jiġu mħarsa l-bhejjem indiġeni, qed jżommu anke l-għana bħala l-wirt kulturali ħaj biex tkun assigurata li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu jitgawdew għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Għall-ewwel darba wkoll, se titella’ wkoll wirja nhar il-Ħadd 29 ta’ Settembru fiż-Żejtun, ddedikata speċifikament għall-mogħoż u nagħaġ indiġeni Maltin, sabiex isservi ta’ pjattaforma edukattiva biex jiġi espost dan il-wirt nazzjonali, uniku għall-pajjiżna.
Noel Buttiġieġ, Chairperson tal-Bord tal-Għaqda Volontarja, sostna li r-riċerka f’dan il-qasam hija l-perm li twassal għal għarfien aħjar fuq il-wirt tanġibli u ntanġibli ta’ pajjiżna, bil-ħarsien tal-Wirt Nazzjonali jkompli jsaħħaħ is-sostenibbiltà tal-prodott Malti fuq bosta livelli.
L-għaqda volontarja tinsab fi djalogu mal-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għat-tfassil u t-teħid ta’ miżuri sabiex il-mogħża ndiġena Maltija, simbolu tal-istorja u l-identità ta’ pajjiżna, tingħata l-protezzjoni meħtieġa.
Il-ġimgħa li għaddiet ntlaħaq ukoll ftehim mal-istess Ministeru, simili tal-ftehim li kien intaħaq f’April ta’ din is-sena mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar sabiex tisaħħaħ il-koperazzjoni għall-kollaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka u l-konservazzjoni tal-ispeċi u razez tal-lokal.