It-tmien bejta li nstabet fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra fit-8 ta’ Awwissu ta’ din is-sena, infetħet illum b’reqqa mill-ERA, flimkien ma’ Nature Trust Malta (NTM). Il-bejta kellha total ta’ 76 bajda u 67 minn dawn faqsu b’suċċess.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca qal kif dan l-istaġun huwa wieħed li jibqa’ jitfakkar, bi ftit aktar minn 400 fekruna rilaxxata fis- selvaġġ s’issa. Qal kif f’konformità mal-missjoni tagħha, l-ERA qed tagħmel l-isforzi kollha tagħha għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa, biex ittejjeb l-ambjent ta’ Malta għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Mercieca semma kif l-ERA se tkompli tappoġġja lil Nature Trust fil-proġett tagħha ta’ rijabilitazzjoni tal-annimali selvaġġi, u hija impenjata li tipprovdi riżorsi għall-protezzjoni tal-annimali selvaġġi, speċjalment fir-rigward ta’ speċi li jinsabu fil-periklu tal-estinzjoni bħall-fekruna l-komuni. Kienet din il-ħidma li qanqlet ukoll kuxjenza pubblika dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-fkieren tal-baħar, fejn qal li wieħed għandu jingħaqad mal-ERA f’din iċ-ċelebrazzjoni li qed tiġi ċċelebrata ta’ staġun rekord.
L-ERA semmiet kif hekk kif waslet biex tfaqqas l-aħħar bejta, dik b’numru 7, li tinsab ġewwa Ir-Ramla tal-Mixquqa, qed tkompli tappoġġja lill-NTM fil-protezzjoni tal-bejtiet tal-fkieren u t-twettiq ta’ salvataġġ u rijabilitazzjoni ta’ annimali oħra madwar il-gżejjer Maltin.