Il-mexxej tal-grupp Hezbollah, Hassan Nasrallah, kien fil-mira ta’ attakki ikkordinati mill-armat Iżraeljana lejn il-Kwartieri Ġenerali tagħhom fil-belt ta’ Bejrut fil-Libanu.
Minn dawn l-attakki, kelliema għall-armata Iżraeljana saħqu li Nasrallah kien vittma u miet f’din is-sensiela ta’ attakki li seħħu matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
Dan l-attakk ġie biss ftit sigħat wara li bosta mexxejja tad-dinja tkellmu u trattaw dan il-konflitt fil-Lvant Nofsani, fejn fost l-oħrajn il-Prim Ministru Malti, Robert Abela, u numru ta’ mexxejja dinjin oħra talbu għall-waqfien mill-ġlied, u biex nies lokali jieqfu jitilfu ħajjithom bla bżonn.
Fl-istess sessjoni tal-Assemblea tal-Ġuns Magħquda, tkellem il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu, fejn matul id-diskors tiegħu, hu saħaq li se jibqa’ għaddej b’dan il-kunflitt sakemm iġib fix-xejn lill-grupp Hezbollah u jintlaħqu l-miri li għandhom jilħqu.
L-attakki tal-bieraħ ma waqfux mal-bumbardamenti fuq il-Kwartier Ġenerali tal-Hezbollah, iżda baqgħu għaddejin anke sa 5 sigħat wara, b’konsegwenza li bosta residenti f’Bejrut spiċċaw ħarbu minn djarhom.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Unjoni Ewropea irrakkomandat biex l-ajruplani li se jkunu qed jivvjaġġaw minn ħdejn il-Libanu biex jevitaw l-ispazju tal-ajru ta’ dan il-pajjiż.
It-theddid ta’ Iżrael anke wasal l-Iran, fejn il-Mexxej Suprem ta’ dan il-pajjiż, Ali Khamenei, skont sorsi qrib tiegħu, sostnew li ttieħed għal post aktar sigur fl-Iran stess, biex b’hekk, fl-eventwalità li Iżrael jattakkaw l-Iran, il-Mexxej ma jisfax vittma bħal safa vittima il-Kap tal-Hezbollah.