Interconnect Malta laħqet tragward importanti fl-iżvilupp tat-tieni interconnector tal-elettriku ta’ Malta bir-rakkomandazzjoni għal għoti ta’ kuntratt ta’ €34.2 miljun għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cables li ser jgħaddu minn taħt l-art.
Wara proċess ta’ evalwazzjoni dettaljata, SELT SpA ġiet magħżula biex twettaq din il-fażi kruċjali tal-proġett.
Il-kuntratt jinkludi l-provvista, it-tħaffir, l-installazzjoni, u r-restawr ta’ 21 kilometru ta’ cable ta’ vultaġġ għoli fi Sqallija, li jibda mill-punt fejn jidħol il-cable li jkun ġej minn taħt il-baħar f’Marina di Ragusa sal-istazzjon ta’ 220 Kilovolt f’Ragusa.
F’Malta, 1.8 kilometru ta’ cable ser jitqiegħed bejn it-terminal tal-Magħtab u l-post fejn jidħol il-cable li jkun ġej minn taħt fl-Għallis.
Dan il-proġett huwa parti minn strateġija usa’ ta’ Malta biex ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u żżid l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grid nazzjonali tal-elettriku.
Il-proġett IC2 se jirdoppja l-konnessjoni elettrika ta’ Malta ma’ Sqallija, u jippermetti aktar stabbiltà u flessibilità biex jiġu inkorporati sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Minbarra l-cables li hemm bżonn taħt l-art, bħalissa qed isiru żewġ tenders oħra: kuntratt ta’ mija u ħamsa u tmenin miljun ewro (€185-il miljun) għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable li ser jitqiegħed taħt il-baħar, u kuntratt ta’ €12-il miljun għal switchgear ta’ 220 Kilovolt, pannelli tal-kontroll, u sistemi tat-tifi tan-nar. Dan ser iwassal biex l-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta tkompli titjieb u tissaħħaħ.
B’reazzjoni għal dan il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli saħqet dwar l-importanza tal-IC2 għall-miri tal-klima ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv ta’ ICM, l-Inġinier Ismail D’Amato qal li filwaqt li l-kumplessità u l-ispejjeż involuti huma konsiderevoli, dan it-tragward jirrifletti l-impenn tal-kumpanija biex twassal wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi li għandha Malta fl-enerġija.
Kofinanzjat mill-UE taħt il-Programm ta’ Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF) 2021-2027, il-proġett IC2 jirrappreżenta investiment sinifikanti fl-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta u s-sostenibbiltà fit-tul.