L-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Marija Reġina fil-Mosta, l-Iskola Medja tal-Kulleġġ t’Għawdex u l-Iskola Sekondarja Santa Monika f’Birkirkara qed jipparteċipaw fi proġett-pilota li se jara madwar 900 studenta li jibbenefikaw minn prodotti tal-iġjene menstrwali.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, fejn f’konferenza tal-aħbarijiet, saħqet fuq ir-rieda li tingħeleb l-istigma fuq is-suġġetti b’rabta mat-tfajliet adoloxxenti.
Dan kollu jagħmel parti minn wegħdi relatati mal-kura tal-iġjene femminili, kif indikati fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
F’dan il-proġett-pilota se jkunu qed jiġu ttestjati żewġ tipi ta’ dispensers, dawk awtomatiċi u oħrajn bit-tokens.
Fl-istess waqt, se tkun qed titmexxa kampanja fuq il-midja soċjali bl-isem ta’ ‘End the Stigma. Period’. Dan il-proġett mistenni jilħaq lill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex mis-sena skolastika 2025/26.