L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia fetaħ is-17-il edizzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti ta’ Stati Żgħar Ewropej u laqa’ lill-Ispeakers u Presidenti tal-Parlamenti jew lir-rappreżentanti tagħhom minn Andorra, Ċipru, Liechtenstein, Lussemburgu, Monaco, Montenegro u San Marino.
Il-konferenza se tkun qed issir bejn is-26 u s-27 ta’ Settembru 2024.
Il-parteċipanti se jkunu qed jiddiskutu temi meqjusa importanti għal dawn l-istati żgħar.
It-tliet sessjonijiet se jittrattaw l-opportunità ekonomika tat-tibdil fil-klima, ir-rwol tal-istati żgħar fil-kuntest tal-multilateraliżmu, u l-migrazzjoni.
Fil-ftuħ tal-konferenza, l-Ispeaker Farrugia tkellem dwar it-tliet temi magħżula mill-Presidenza u għaliex dawn tqiesu rilevanti għall-konferenza ta’ din is-sena, filwaqt li nnota li l-parlamenti qed jesperjenzaw żminijiet li fihom il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi huma kruċjali ħafna.