F’wieħed mis-Santwarji li jilqa’ fih numru t’annimali ta’ kull sena, Noah’s Ark, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, flimkien mad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, l-Animal Welfare, nieda skema li biha se tkun tista’ ssir manutenzzjoni neċessarja fis-santwarji kollha ta’ pajjiżna.
Permezz ta’ dan, il-Gvern se jkun qed jagħti €10,000 lil kull santwarju sabiex jagħmel dawn ix-xogħlijiet meħtieġa.
Id-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Joseph John Vella, spjega kif dawn ix-xogħlijiet jinvolvu manutenzzjoni fl-istrutturi tal-binja, fid-distribuzzjoni tad-dawl u l-ilma, drenaġġ, kif ukoll fit-tisbiħ tal-post bħal tikħil, żebgħa, madum u fencing fost oħrajn.
Vella qal kif din l-għajnuna se tkun qed tgħin ħafna hekk kif dawn is-santwarji jiddependu l-aktar fuq donazzjonijiet u minn skemi bħal dawn.
Il-Ministru Anton Refalo qal kif dan ikompli jixhed kif bil-fatti dan il-Gvern, jemmen fid-drittijiet u l-ħarsien tal-annimali tagħna, partikolarment dawk abbandunati.
“Qegħdin nagħtu għajnuna diretta finanzjarja lis-santwarji tagħna li huma liċenzjati, fejn dawn japplikaw u jieħdu sa massimu ta’ €10,000 biex bihom ikunu jistgħu jirranġaw is-santwarji tagħhom. Dan huwa xogħol nobbli li qegħdin jagħmlu s-santwarji għaliex qegħdin anke jilqgħu għandhom annimali vulnerabbli u aħna bħala Gvern għandna d-dmir u d-dover li nsostnu dan ix-xogħol kbir li qegħdin jagħmlu dawn is-santwarji.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet kemm din l-għajnuna se tgħin id-diversi voluntiera li jagħtu ħinhom u saħħithom sabiex jgħinu lill-annimali fil-bżonn.
“Din hija waħda mill-ħafna inizjattivi li aħna qegħdin nagħmlu sabiex ngħinu lis-santwarji li fl-aħħar mill-aħħar, huma jagħtu ħafna għajnuna lid-diversi annimali abbandunati li għandna ġewwa pajjiżna.”
Tkellimna ma’ Fabio Ciappara, voluntier fis-santwarju tal-Mellieħa, li b’passjoni kellimna fuq dak li huma jagħmlu ta’ kuljum, favur l-annimali.
“Aħna hawn bażikament niġbru klieb, annimali abbandunati jew maħqura li jġibulna l-Animal Welfare. Din l-iskema li qed nisma’ dalgħodu ħajritni ħafna għax qabel kienu jtuna mediċina u ikel, u infrastruttura qatt ma kienet imsemmija, li għandna ħafna bżonn fejn jidħol madum, tibjid, tikħil, irranġar ta’ fencing, allura nispera li dal-flus li ġejna mwiegħda jgħinuna f’dak ir-rigward.”
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-25 t’Ottubru 2024 u aċċessibbli minn din il-ħolqa: Maintenance to Animal Sanctuaries Scheme 2024 (gov.mt)