Meta kien qed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, hekk kif pajjiżna riesaq lejn it-tmiem tat-terminu tiegħu bħala membru mhux permanenti l-istess kunsill, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Malta tappoġġja l-missjoni tal-Ġnus Magħquda u jeħtieġ nibqgħu ninvestu fiha favur il-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja.
Fid-dibattitu, li ġie indirizzat minn diversi mexxejja tal-pajjiżi membri fil-Kunsill tas-Sigurtà u ġiet ittrattata ż-żamma tal-paċi, il-Prim Ministru Malti sostna li l-Karta tal-Ġnus Magħquda trid tibqa’ tkun il-gwida għall-komunità internazzjonali biex jiġu indirizzati konflitti, li minnhom qed ibatu n-nies.
Bħala eżempji, hu semma s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, partikolarment f’Gaza, dik fl-Ukrajna u l-konflitt fis-Sudan, fost l-oħrajn. Qal li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu rwol iżjed importanti li jħares iż-żamma tal-paċi u jfittex it-triq tad-djalogu madwar il-mejda aktar milli l-eskalazzjoni tal-konflitti.
“Qatt ma għandna nneħħu minn quddiem għajnejna r-realtajiet tal-umanità”, saħaq b’mod empatiku l-Prim Ministru Malti hu u jinnota realtajiet differenti ta’ persuni ċivili fosthom nisa u tfal f’postijiet madwar id-dinja fejn is-sigurtà u l-paċi huma sfida kbira.
“We are the ones who must ensure that women play a central role in conflict resolution, peacebuilding, and post-conflict reconstruction efforts. Knowing that peace cannot be sustained without women’s full, equal, meaningful, and safe inclusion. We are the ones who must listen to and learn from survivors of rape and sexual violence in conflict zones all over the world. Those brave women, girls, boys, and men who have found the courage to share their harrowing accounts of this despicable and reprehensible tactic of war. “
“L-użu tal-forza kontra dak li tgħid il-Karta tal-Ġnus Magħquda mhiex ġustifikabbli u hi inaċċettabbli”, aċċenna l-Prim Ministru Robert Abela madwar il-mejda tal-Kunsill tas-Sigurtà. “Jeħtieġ nirduppjaw l-isforzi tagħna għall-paċi fi żmien fejn id-dinja moħħha biss fl-istatistika”, qal Dr Abela hu u jisħaq ukoll li mal-mejda tad-diskussjonijiet irridu nfittxu li tasal l-għajnuna umanitarja fejn hemm gwerer li qed jifnu tant familji.
Fi New York, fejn qed titlaqqa’ wkoll l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ lill-komunità internazzjonali li wriet fiduċja b’saħħitha f’Malta biex ikollha rwol ewlieni fid-dinja bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà.
Spjega kif tul it-terminu ta’ sentejn, Malta wriet, bil-fatti, l-impenn tagħha favur il-paċi u s-sigurtà quddiem sfidi ġeo-politiċi u l-ħidma pro-attiva għal sfidi oħrajn, bħat-tibdil fil-klima.
Qal li l-fenomenu klimatiku jġib sfidi wkoll fuq is-sigurtà tal-ikel u ż-żieda fil-livell tal-għoli tal-baħar, li jaffettwa pajjiżi differenti, fosthom anke gżejjer żgħar, bħal Malta.
Hawn pajjiżna imbotta lejn indiċi li jkejjel il-vulnerabbiltà ta’ pajjiżi għall-bidla fil-klima, li partikolarment jgħin gżejjer żgħar jidentifikaw strateġiji ta’ kif jilqgħu għal dan il-fenomenu.
Fl-indirizz tiegħu, fejn kienu qed jakkumpanjawh rappreżentanti oħrajn Maltin, inkluż id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Prim Ministru qal li l-popli madwar id-dinja għandhom aspirazzjoni ewlenija, dik li jgħixu fil-prosperità u fil-paċi u, bħala komunità internazzjonali, iridu jibqgħu kommessi li jilħqu dik l-aspirazzjoni.
Għalhekk qal li l-kunsiderazzjonijiet tal-familji jridu jġibuhom fuq quddiem nett, waqt li jkunu empatiċi magħhom.
“President, at a moment in history where everyone is excited about the potential of artificial intelligence … let us not forget that – alongside intelligence – there are two other core human competences – humanity and compassion. This United Nations is – at its heart and at its best – an expression of all three of them. Showing the intelligence to come together to solve problems. Showing humanity in working for the best of values. And showing practical compassion by delivering aid, assistance and hope to the most vulnerable. This institution belongs to all of us. Let us nurture it, invest in it, and counter contempt for it. And let us all play our part in the other vital structures that bring us together regionally to do just what this United Nations does for the world as a whole.”
Wara l-Prim Ministru Malti, tkellem dak Britanniku Keir Starmer, li wkoll kellu messaġġ b’saħħtu favur il-paċi, fejn, fost l-oħrajn, appella lil Iżrael biex jiftaħ aktar toroq umanitarji mnejn tista’ tidħol l-għajnuna materjali lejn Gaza, hekk kif eluf ta’ nies qed ibatu l-ġuħ u n-nuqqas ta’ mediċina.
Hu kellu kliem ta’ kundanna lejn ir-Russja u semma kif aktar minn 600,000 suldat Russu sfaw maqtula u midrubin minħabba l-Gvern ta’ Putin li beda din il-gwerra b’mod illegali.
Aktar qabel, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, saħaq kif il-paċi qatt ma tiġi b’mod awtomatika, iżda trid azzjoni u tmexxija. Hu nnota kif, bħalissa, madwar id-dinja qed naraw diviżjoni ġeopolitika u repetizzjoni fil-ksur tal-liġi internazzjonali tal-Karta tal-Ġnus Magħquda, b’konflitti li qed ikunu aktar kumplessi u jħallu iżjed fatalitajiet.