Raġel, li allegatament ssawwat mil-“Lilu King”, għażel li ma jixhidx fil-konfront tiegħu, b’ismu u r-raġuni li ta ma jissemmewx fuq ordni tal-Qorti, ippreseduta mill-Magistrat Anne Marie Thake.
Dan ħareġ illum f’seduta oħra fil-każ kontra Mohammed Ali Ahmed Elmushraty ta’ 32 sena, magħruf bħala “Lilu King”, li jinsab mixli li kien involut f’argument f’Paceville, li eskala hekk kif ħabat ma’ karozza.
Fl-istess seduta kienet mistennija tixhed ukoll l-eks tfalja tal-“Lilu King” involuta fl-istess inċident, li wkoll irrifjutat li tixhed wara li l-Prosekuzzjoni avżata li tista’ tagħżel li tagħmel dan, minħabba li qed tiġi investigata wkoll mill-Pulizija.
Sadanittant, fuq il-pedana, tat ix-xiehda tagħha t-tabiba, li eżaminat lir-raġel li allegatament ġie aggredit mil-“Lilu King”, fejn qalet li dan sofra ġrieħi gravi, inkluż f’rasu, bi ksur anke ta’ mnieħru.