Il-Gvern qed jikkunsidra li, fiż-żmien li ġej, iħarrex il-pieni fil-konfront ta’ min jattakka jew jaggredixxi vjolentement lil xi uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Rapport fil-ħarġa tal-Erbgħa tat-Times qal kif, attwalment, il-Gvern qed jevalwa tali konsiderazzjoni, inkluż b’konsultazzjonijiet, bħala reazzjoni għall-inċident tas-Sibt li għadda fejn żewġ uffiċjali tal-Pulizija ġew aggrediti u msawtin minn ħames persuni fil-Ħamrun, bir-riżultat li kellhom jiġu rikoverati l-Isptar Mater Dei, fejn wieħed instab li sofra ġrieħi gravi.
Sorsi tal-gazzetta qalu li l-Gvern għaddej b’ħidma biex tiġi fformulata emenda fil-liġi fejn il-Qorti tkun tista’ tagħti pieni aktar ħorox lil dawk li jwettqu tali reati. Jingħad li dawn mistennija jinkludu multi aktar ħorox u żieda fis-sentenzi ta’ ħabs.
Ġie kkwotat ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri. Waqt li qal li aktar dettalji dwar din l-emenda se jkunu qed jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej, enfasizza li l-ħidma tal-Gvern f’dan l-istat tinkludi analiżi dettaljat ta’ kif sitwazzjonijiet bħal dawn qed jiġu mitigati barra minn xtutna.
Hu rrimarka wkoll li tibdil simili mhux mistenni jkollu oppożizzjoni Parlamentari hekk kif il-Kelliem għall-Intern tal-Partit Nazzjonalista diġà qal li jaqblu ma’ pieni aktar ħorox biex dawk li jagħtu servizz fil-komunità jkunu protetti kemm jista’ jkun.