‘Kunċertini l-Għabex’, huma sensiela ta’ interpretazzjonijiet mużikali, li bdew jittellgħu mill-Għaqda Mużikali Santa Marija Dingli biex tkompli teduka permezz tal-mużika.
Għal dan il-għan qed jintuża sfond mill-isbaħ fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli fejn il-mużika, b’xi mod, takkumpanja nżul ix-xemx, li diġà hu esperjenza spettakolari fih innifsu.
Dawn l-esebizzjonijiet qed jaraw is-sehem tal-aljevi tal-Iskola tal-Mużika Guż M. Spiteri fi ħdan l-istess għaqda, u b’hekk mhux biss se jkunu qed jesponu t-talenti tagħhom u jagħtihom opportunità usa’ fejn jinterpretaw l-istrumenti tagħhom, iżda anke jżewġu l-kultura Maltija ma’ dehra pittoreska.
Tkellimna mal-għalliem Norbert Mintoff, li spjegalna kif kunċerti ta’ din ix-xorta jagħtu pjattaforma lill-aljevi qabel joħorġu jdoqqu mal-banda..
“Nagħtu ċans liż-żgħażagħ tagħna aljevi, li għadhom qed jitgħallmu, qabel joħorġu mal-banda biex jibdew idoqqu fi grupp żgħir, sitta jew għaxra, biex jidraw lil xulxin, imbagħad jidħlu mal-banda.”
Tkellimna mas-Segretarju tal-Għaqda Mużikali Santa Marija, Owen Zammit, li spjega l-għan wara dawn l-attivitajiet.
“Dan il-proġett, bl-għajnuna tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda u l-Aġenzija Żgħażagħ, qed jiftaħ il-bibien għal aktar żgħażagħ u adoloxxenti biex jingħaqdu magħna u jaqsmu l-edukazzjoni tal-mużika.”
L-aħħar kunċert se jittella’ l-Ġimgħa 27 ta’ Settembru, fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija.