“L-istqarrija mill-MAM dwar il-pjanijiet għal outpatient block ġdida u sptar psikjatriku akut hija selettiva fl-ispjegazzjoni u intenzjonalment tħalli barra numru ta’ dettalji sostanzjali li jispjegaw id-deċiżjonijiet tal-gvern dwar infrastruttura relatata mas-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.”
Qal dan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva b’reazzjoni għal stqarrija li ħareġ il-MAM dwar il-kura tal-pazjenti f’pajjiżna.
Il-Ministeru spjega kif il-pjanijiet imsemmija ġew żviluppati fi żmien fejn il-gvern ma kellux f’idu la l-operat tal-isptar San Luqa u lanqas l-Isptar Karen Grech. Intqal li l-viżjoni tal-gvern hija li dawn il-binjiet jiġu rriġenerati u integrati mill-ġdid fis-sistema tas-saħħa tal-pajjiż.
Fil-fatt, diġà hemm ħidma avvanzata favur dan.
L-stqarrija kompliet tgħid li l-MAM hija konxja ta’ dan u allura ma tistax fuq naħa tikkritika li ma qed isir xejn b’dawn il-binjiet importanti u fl-istess waqt ixxekkel ħidma li se twassal biex dawn l-isptarijiet jibdew jaqdu funzjonijiet importanti fis-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna.
Il-Ministeru fakkar li filwaqt li l-irwol ewlieni tal-MAM huwa li taħdem favur il-membri tagħha fil-qasam tas-saħħa u d-drittjiet li jistgħu jaffettwawhom, dan ma jinkludix li tkun arbitru f’deċiżjonijiet li jirrigwardjaw strateġija maniġerjali u proġetti infrastrutturali importanti fl-istess qasam.
Dan filwaqt li temm jappella biex il-MAM tkompli bid-diskussjonijiet ta’ rieda tajba mal-gvern u li jkomplu ma’ laqgħa li saret ftit tal-jiem ilu f’dan ir-rigward.