Il-GRTU spjegat li ddiskutiet din l-inizjattiva mal-ogħla uffiċċjali tal-Gvern, fosthom l-Ministru responsabbli għat-Trasport, s-Segretarju Parlamentari ghall-Gvern Lokali u l-LESA, bil-ħsieb li tinstab l-aħjar soluzzjoni biex tiġi indirizzata problema ewlenija li għandna fit-toroq tagħna.
Il-GRTU qalet li dejjem esiġiet li għandu jkun hemm infurzar b’responsabiltà. Stqarret li hija favur li dawk li jabbużaw għandhom jiġu mwissija u saħansitra ppenalizzati, speċjalment fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà.
Fi stqarrija, l-unjin qalet li taqbel perfettament mas-sitt tipi ta’ reati tat-traffiku li ssemmew, jiġifieri li dan il-biljett ta’ twissija jista’ jingħata fuq Silencer difettuż, dawl ma jaħdimx, parkeġġ illegali, fanal imkisser, liċenzja mhux mwaħħla u vettura mhux kundizzjoni tajba għat-triq. Iżda sostniet li għandu jkun hemm bilanċ bejn inċentivi pożittivi u nfurzar.
Hawnhekk il-GRTU spjegat:
Li l-warden għandu jkun li dak li jgħin is-sistema tal-operat tat-traffiku tkun aktar effiċjenti u mhux sempliċiment eżerċizzju fil-ġbir ta’ finanzi. Elenkat li l-infurzar għandu jkun iffukat aktar fuq dawk li jkunu ta’ periklu għan-nies u sewwieqa fit-toroq u mhux għal dawk li jkunu fuq il-qadi ta’ dmirijithom bħal delivery man.
Għalhekk, fi kliemhom għandha ssir distinzjoni bejn sewwieqa fuq xogħol u sewwieqa oħra.