Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, ippreżenta għadd ta’ ideat għal miżuri bil-għan li jittaffa t-traffiku f’pajjiżna u b’hekk jitnaqqsu l-konġestjonijiet fir-rush hours ta’ filgħodu u waranofsinhar.
F’intervista mat-Times of Malta, il-Ministru saħaq li l-qofol biex verament jitnaqqas l-ammont ta’ karozzi fit-toroq huma miżuri ġodda fejn isir użu akbar minn mezzi alternattivi ta’ trasport.
Fost l-ideat, hu semma l-estensjoni tat-traġitti bil-ferries lejn it-Tramuntana u l-Lvant ta’ pajjiżna, waqt li stqarr li bosta persuni lokali u anke barranin qegħdin jagħmlu iżjed użu mis-servizz li diġà jeżisti mill-Belt Valletta lejn Tas-Sliema u l-Kottonera mindu dan sar b’xejn għal dawk li għandhom it-Tallinja Card f’Jannar li għadda. Minkejja dan, tenna li xorta għadu mhux qed jintuża biżejjed.
Qal li s-servizz dalwaqt se jkun jista’ jestendi għal Buġibba fejn bħalissa l-proġett tal-breakwater, li se jkollu l-faċilitajiet għal dan il-għan, wasal qrib tmiemu.
Il-Ministru kompla li qed tiġi kkunsidrata l-idea li jkun hemm dgħajjes apposta li jġorru merkanzija destinata għal Għawdex, li mill-Freeport f’Birżebbuġa jibqgħu sejrin iċ-Ċirkewwa, minflok ikun hemm trakkijiet li jagħmlu dan fit-toroq Maltin.
Minbarra hekk qed jiġi kkunsidrat li jinħolqu parkeġġi għall-vetturi qrib lokalitajiet l-aktar frekwentati, bħalma kien sar fil-periferija tal-Belt Valletta.
Madankollu stqarr li, kif diġà tħabbar minn Transport Malta fl-aħħar jiem, se jkun hemm aktar uffiċjali tal-inforzar fit-toroq fil-ħinijiet l-aktar traffikużi, inkluż hekk kif qed tibda sena skolastika ġdida u allura l-ammont ta’ vetturi jiżdied.
Semma wkoll il-wegħda li tnediet fl-2017, bl-investiment ta’ €700 miljun fuq seba’ snin biex jitranġaw it-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex, li se tkompli titwettaq, waqt li issa se ssir kunsiderazzjoni ġdida wara li diġà twettqu eluf ta’ toroq, ħafna minnhom li nbnew mill-qiegħ biex illum għandha infrastruttura fejn aħjar minn dik li kellna sa ftit tas-snin ilu.
Dwar proġetti kapitali, li qed jiġu mħejjijn attwalment, il-Ministru semma dak fl-Imsida, li mistenni jibda minn Novembru li ġej u se jittrasforma ż-żona, kemm b’immaniġġjar aħjar tat-traffiku u aktar żoni pedonali, toroq aċċessibbli għaċ-ċiklisti kanal tal-ilma li jindirizza l-problema tal-għargħar fl-inħawi.
Irrefera wkoll għall-aħbar, li ħarġet fl-aħħar jiem, hekk kif, fl-ewwel miżura tiegħu bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdida tal-entità, Steve Ellul, tnediet il-miżura b’fond ta’ €10 miljun biex isiru toroq aktar addattati għan-nies, b’kollaborazzjoni u suġġerimenti mal-kunsilli lokali rispettivi stess.