Erbat irġiel u mara Maltin inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati fost l-oħrajn li aggredew żewġ uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
L-akkużati huma Erika Borg ta’ 42 mill-Imsida u hija mara tad-dar, żewġha Elton Borg ta’ 46 sena mill-Imsida u sid ir-ristorant Strada Rjali, ħuh Kurt Borg ta’ 44 sena minn Ħal Qormi u wkoll sid ta’ ristorant, Redimen Aquilina ta’ 23 sena mill-Ħamrun u Christian Mansueto ta’ 33 sena mis-Siġġiewi.
Mistoqsija x’kienu se jwieġbu, l-akkużati li viżibilment kollha kienu emozzjonati u wħud jibku, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-każ seħħ is-Sibt li għadda filgħaxija fi Triq il-Kbira, il-Ħamrun, meta grupp ta’ nies dehru jagredixxu l-pulizija. Fil-fatt, f’filmati li ġew ippubblikati fuq il-midja soċjali u li qed jitqiesu bħala prova ewlenija f’dan il-każ, dawn in-nies allegatament jidhru jagħmlu dan ir-reat.
Apparti l-akkużati, awla numru 25 u fuq barra tagħha, kienet ippakkjata minn numru ta’ ġurnalisti, Pulizija, Avukati u qraba tal-akkużati.
Fuq barra tal-Qorti wkoll dehru xi pulizija minħabba ż-żamma tal-ordni.
Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt spjegat li kollox beda meta l-kuntistabbli ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata illegalment fi Triq il-Kbira l-Ħamrun.
Kien f’dan il-punt li ħarġu numru ta’ persuni minn stabbiliment u li bdew jargumentaw mal-pulizija, li taw ordnijiet għaż-żamma tal-ordni pubblika u għall-koperazzjoni tal-persuni kkonċernati.
Iżda huma injoraw dawn l-ordnijiet u kkawżaw ġrieħi lill-uffiċjali.
Il-Pulizija kienu kostretti jużaw il-pepper spray u t-taser.
Intqal kif fuq il-post, waslu aktar pulizija u s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata.
Erica, Elton u Kurt ġew arrestati fuq il-post, filwaqt li Aquilina u Mansueto ġew arrestati f’darhom wara li dawn ħarbu minn fuq il-post.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet liż-żewġ pulizija l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn wieħed ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u ieħor bi ġrieħi ħfief.
Il-validità tal-arrest ma ġiet ikkontestat minn l-ebda avukat tad-difiża, u għalhekk il-Qorti ddikjaratu bħal wieħed validu.
Id-difiża tal-akkużati talbet għall-ħalsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni qalet li se tkun qed toġġezzjona għal diversi punti.
Fost dawn hija semmiet il-biżà tal-intralċ tal-provi, fejn ġie ddikjarat li l-kameras tas-sigurtà mar-ristorant ta’ Borg ġew maqlugħa, filwaqt li l-body cam ta’ wieħed mill-Kuntistabbli ttieħed minn xi ħadd preżenti u għadu ma nstabx.
Intqal li l-ħwejjeġ li Aquilina kien liebes fil-ħin tal-ġlieda għadhom ma nstabux.
Hawnhekk ġie spjegat ukoll li hemm ċans jitressaq il-Qorti xi ħadd ieħor f’dan il-każ.
L-Avukat mill-uffiċċu tal-Avukat Ġenerali qalet kif hemm jintbagħat messaġġ ċar li dawn l-affarijiet mhumiex aċċettati fis-soċjetà.
Għal dan, id-difiża stqarret li wħud mill-akkużati għandhom kondotta nadifa u qatt ma xelfu idhom mal-ġustizzja.
Sadanittant, fl-2014, Elton Borg, li kien membru fil-Kumitat ta’ Ħamrun Spartans kien ġie pprojbit minn kull attività li għandha x’taqsam mal-futbol wara li ammetta li xtara xi logħob.
Meta sema’ liż-żewġ partijiet, il-Maġistrat Gatt ma laqax it-talba għall-ħelsien mill-arrest u żammhom arrestati fil-Faċilità Korrettiva tal-Kordin.
Dan il-każ ġab il-kundanna ta’ bosta, u baħar ta’ kummenti wrew is-solidarjetà mal-pulizija.
Id-Difiża kienet iffurmata mill-Avukati Charles Mercieca, Franco Debono, Jacob Magri, Arthur Azzopardi, Matthew Xuereb, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u Alex Scerri Herrera.
Dr. Herman Mula deher fil-Qorti bħala Parte Civile għaż-żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni kienet iffurmata mill-Avukat Jennifer Polidano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Elisia Scicluna.
Fl-awla kien hemm ukoll id-Deputat Kummissarju Kenneth Haber u Kevin Valletta mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-allegati vittmi f’dan il-każ huma l-Kuntistabbli Clive Mallia u Aiden Demicoli.