Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-kundanna ġenerali tal-Prim Ministru fuq kull min jattakka lill-Pulizija m’hija xejn ħlief ammissjoni tal-irresponsabbilità li timxi biha l-istess Oppożizzjoni.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista, il-Ħadd, b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.
Intqal kif il-Partit Nazzjonalista u l-fazzjonijiet estremisti tiegħu jridu jifhmu li l-Pulizija u l-istituzzjonijiet kollha l-oħra dejjem jagħmlu xogħolhom – anke meta l-eżitu ta’ xogħlhom ma jkunx jaqbel ma’ dak li l-Oppożizzjoni tkun assumiet jew xtaqet li jkun.
Differenti mill-Partit Nazzjonalista, li mhux talli ħalla l-Pulizija b’pagi friżati iżda bagħthom jaħdmu u ma ħallashomx, il-Partit Laburista fil-Gvern tejjeb il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-Korp tal-Pulizija permezz ta’ żewġ ftehimiet kollettivi filwaqt li investa b’mod dirett fihom, kompliet tgħid l-istqarrija.
Il-Partit Laburista, żied jgħid li mhux biżżejjed tikkundanna wara li jkun seħħ każ, hekk kif ir-rispett u l-apprezzament turih kuljum bl-aġir.
Il-Partit Laburista jerġa’ jappella għal ġustizzja skont il-ħaqq u s-sewwa fil-konfront tal-allegat aggressuri fil-każ tas-Sibt filgħaxija, temm jgħid il-Partit Laburista.