Fl-attività politika tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela tenna s-sodisfazzjon tiegħu għall-portafoll li ngħata n-nominat Malti għall-Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef.
“Din il-ġimgħa kont verament kuntent għal Glenn Micallef li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, li minn hawnhekk nerġa’ nawguralha għal mandat il-ġdid li erġajna tajnieha, assenjatlu portafoll, li verament għamilni kuntent. Għaliex tajna żewġ messaġġi, l-ewwel wieħed kien il-fiduċja li urejna bħala Gvern fil-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna billi nnominajna żagħżugħ għal dan ir-irwol tant prestiġġjuż.”
Dr Abela saħaq kif il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, irreċiprokat din il-fiduċja billi lin-nominat Malti tatu portafoll li juri l-istess fiduċja fiż-żgħażagħ.
Madanakollu, il-Mexxej Laburista ma naqasx milli jikkummenta dwar l-ironija tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar dawn l-iżviluppi.
“Stqarrija immedjata li ħarġet min-naħa tal-Oppożizzjoni li turik reazzjoni li ma tantx ħadu pjaċir bil-portafoll li ngħata lil Glenn Micallef. Imbagħad fl-istess nifs, fl-istess ħin ftit tas-sigħat wara, jitkellmu dwar li pajjiżna jrid jimxi lejn niċeċ ekonomiċi ġodda, bla ma jirrealizzaw li dawk in-niċeċ ekonomiċi li qed jgħidu li huma ġodda ġew assenjati fil-portafoll ta’ Glenn Micallef. Dik hija l-ironija tal-Oppożizzjoni tagħna.”
Hawn irrimarka wkoll kif lejliet il-baġit, Bernard Grech qed jitkellem dwar iż-żieda fis-salarju tiegħu.
Il-Mexxej Laburista tkellem dwar l-importanza tal-isport fil-portafoll li ngħata lil Glenn Micallef, u fakkar kif il-Kap Nazzjonalista stqarr li jrid jagħmel Ministru għall-Isport, anki jekk diġà jeżisti.
Fid-dawl li fil-jiem li ġejjin se tibda sena skolastika oħra, il-Prim Ministru awgura lill-edukaturi kollha għall-ħidma tagħhom.
“Nawgura lill-edukaturi kollha kemm huma jgħallmu fejn jgħallmu, illum qegħdin jibbenefikaw mill-aqwa ftehim settorjali li qatt ingħataw u għandek ukoll l-edukaturi fl-iskejjel indipendenti li se jkunu qegħdin ukoll jibbenefikaw minn żidiet li huma b’saħħtihom.”