Malta se tkun qed tieħu sehem f’aktar minn disgħin laqgħa ta’ livell għoli u avvenimenti multilaterali oħra, filwaqt li qed tippjana sebgħa u għoxrin laqgħa bilaterali ma’ pajjiżi differenti.
Dawn l-appuntamenti għal pajjiżna ħarġu mid-disgħa u sebgħin sessjoni tal-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-UNGA u li attenda għaliha d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg.
B’hekk pajjiżna se jkompli jimraħ fuq livell diplomatiku, hekk kif id-diplomatiċi Maltin se jkunu qegħdin jaħdmu ma’ diplomatiċi differenti minn erba’ kontinenti differenti.
Id-Deputat Prim Ministru se jkun qed jindirizza s-Summit dwar il-Futur, li se jkun qed ilaqqa’ flimkien il-mexxejja tal-mija, tlieta u disgħin pajjiż membru tal-Ġnus Magħquda.
Fil-fatt, dan is-Summit mistenni li jingħalaq b’patt ġdid, magħruf bħala l-Patt għall-Ġejjieni u pjanijiet ta’ azzjoni għall-kooperazzjoni multilaterali fuq l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-innovazzjoni xjentifika, il-kooperazzjoni diġitali u l-involviment taż-żgħażagħ.
F’kummenti li ta lill-midja, id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll impenji oħra li għandu b’rabta mal-irwoli li bħalissa qiegħed jokkupa f’fora internazzjonali.
Qal, “Fil-kapaċità tiegħi bħala ċ-Chairperson tal-OSCE għandi numru ta’ laqgħat. Infakkar ukoll li Malta għadha sservi wkoll fil-Kunsill tas-Sigurtà u allura għandek numru ta’ laqgħat sekdati għal matul din il-ġimgħa meta tkompli sservi sal-aħħar ta’ din is-sena.”
Fil-fatt, Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda se tieħu sehem fid-dibattitu “Tmexxija għall-Paċi” u sessjoni ta’ informazzjoni dwar l-Ukrajna.
Il-qofol ta’ din il-ġimgħa se tkun qed tingħalaq bl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, li se ġġor it-tema “Biex ħadd ma jibqa’ lura: naħdmu flimkien għall-paċi, l-iżvilupp sostenibbli u d-dinjità umana għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.”
Fost il-mexxejja li se jindirizzaw din il-konferenza se jkun hemm il-Prim Ministru Malti, Robert Abela.
Malta se tieħu sehem ukoll f’laqgħat ospitati mill-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth.