Il-gazzetta KullĦadd żvelat partijiet minn dokument li l-Partit Nazzjonalista ħejja għall-baġit li jmiss, li kien għadu mistur sa issa.
Minn analiżi li saret minn professjonisti fl-ekonomija li tkellmu mal-gazzetta, jirriżulta li dan hu biss tentattiv ieħor imqanżaħ u nofs kedda mit-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Waqt li d-dokument jitkellem dwar setturi u ż-żieda fl-impjiegi, bħal fil-manifattura, jirriżulta, iżda, li l-Partit Nazzjonalista lanqas iċ-ċifri bażiċi uffiċjali ma jirnexxielu jġib sew, tant li jikkwota ħażin anke dak li suppost hu sempliċi.
Hu magħruf li, din is-sena, il-Partit Nazzjonalista ried jidher li għamel sforz u għamel xi ħaġa lejliet il-baġit, anke jekk nofs leħja u mimlija żbalji kardinali.
Sorsi tennew mal-gazzetta KullĦadd li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech lanqas lill-kelliem tiegħu stess għall-finanzi mhu jafda. Dawn is-sorsi sostnew li Graham Bencini hu limitat ħafna u ssemma kif jinqabad fuq sieq waħda fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament. Fil-fatt intqal kif dan id-dokument ħa ħsiebu Ivan Bartolo tas-6pm.
Għalkemm jidher li hemm ħafna idejn f’dan id-dokument, tant li anke Jerome Caruana Cilia u Ivan Castillo spiċċaw jiktbu fih, l-aħħar kelma hi ta’ Bartolo.
L-aħħar dokument ta’ qabel il-baġit li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista jmur lura għal qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, jiġifieri tliet snin ilu.
Is-sena l-oħra kien ħareġ b’power point presentation ta’ ftit slides, minflok ippreżenta dokument proprja u, meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar is-slides flok dokument riċerkat dwar x’jixtieq jara f’pajjiżna, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien wieġeb li din mhix kwistjoni ta’ pre-budget.
Hu sigriet magħruf ukoll li Mario De Marco, li għamel żmien involut biex jitkellem fuq il-finanzi għall-PN, is-sena l-oħra, kien tkellem fil-beraħ, fosthom f’konferenza tal-aħbarijiet dwar it-tgħaffiġ tal-istess dokument ta’ qabel il-baġit ta’ tliet snin ilu li l-awtur tiegħu kien Jerome Caruana Cilia.
Il-fjask ta’ Bernard Grech u Jerome Caruana Cilia li, minħabba f’hekk kien spiċċa tilef il-portafoll tal-finanzi fix-Shadow Cabinet, kien issejjaħ bħala “mess” mill-midja.
“Il-mistoqsija tibqa’ kemm dan id-dokument fih sustanza aktar milli duħħan fl-arja”, temm jgħid ir-rapport tal-gazzetta Kullħadd.