F’laqgħa bejn il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, l-imsieħba soċjali flimkien mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u ċ-Chairman tal-MCESD David Xuereb, ġiet diskussa l-viżjoni tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija.
Fi preżentazzjonijiet li saru mill-Enemalta, Interconnect Malta u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ġew spjegati l-investimenti li għaddejjin fin-network ta’ distribuzzjoni tal-enerġija, l-iskemi u l-miżuri biex jinċentivaw u jżidu l-użu tal-enerġija rinovabbli minn familji u negozji u l-proċessi biex Malta tkun tista’ tinvesti f’sistemi ta’ enerġija rinovabbli fuq il-baħar.
B’hekk, l-imsieħba soċjali, setgħu wkoll jaraw il-mod kif tissaħħaħ is-sostenibilità, kif ukoll l-użu tal-batteriji bħala teknoloġija emerġenti.
Il-Ministru Miriam Dalli, fakkret kif tul dawn l-aħħar xhur sar xogħol ta’ 82 kilometru ta’ cables, u b’hekk issa se tissokta t-tieni fażi.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal kif b’laqgħat ta’ din ix-xorta, il-Gvern qed jirrikonoxxi x-xogħol li l-ħaddiema tas-servizz ċivili u tas-settur pubbliku jkunu qed jagħmlu minn wara l-kwinti.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq li il-koordinament aħjar bejn l-entitajiet tal-Gvern, qed iħalli l-frott, u b’hekk l-MCESD tirrikonoxxi l-isforzi biex tiġi indirizzata l-ħtieġa nazzjonali ta’ tisħiħ tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-enerġija.