Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, flimkien mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Partit Laburista għamlu l-ewwel żjara tagħhom, fejn żaru Dar il-Mistrieħ fil-Furjana.
Din id-dar, magħrufa bħala d-Dar tal-Floriana ilha tipprovdi kura lill-anzjani għal aktar minn 35 sena, waqt li tiżġura li jkomplu jgħixu b’dinjità u indipendenza.
Hawnhekk Dr Abela, flimkien mal-Amministrazzjoni u l-Ministru Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea ltaqgħu u tkellmu mal-anzjani li jgħixu f’din id-dar.
Il-Mexxej Laburista nnota kif il-kwalità tal-ħajja fost l-anzjani tfisser ukoll li anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani jkollhom sens ta’ komunità f’ambjent isbaħ u komdu.
Lit-tmexxija ġdida tal-Partit Laburista flimkien mal-Amminsitrazzjoni ġie spjegat lilhom kif riċentament inħass il-bżonn urġenti għar-rinovar ta’ din id-dar, tant li fl-aħħar xhur il-binja għaddiet minn rinnovazzjoni sinifikanti favur standards ogħla favur l-anzjani li jgħixu fiha.
L-investiment għat-twettiq ta’ dan il-proġett mill-Gvern qabeż it-€800,000 u kien jinkludi xogħol ta’ tisħiħ fl-infrastruttura tal-binja u tiġdid tal-faċilitajiet fost ħafna aktar.
Dan l-investiment kien xprunat mill-linji gwida tal-Awtorità tal-Istandards għall-Anzjani flimkien mal-viżjoni ta’ Partit Laburista fil-Gvern li jkompli jipprovdi kwalità ta’ ħajja mill-aqwa lill-anzjani ta’ pajjiżna.
Kwalità tal-ħajja li qed tiġi sostnuta b’diversi miżuri fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet sena wara oħra, l-għotja msaħħa tal-Carer at Home u aktar mediċini b’xejn imdaħħla fil-formularju tal-Gvern.
Min-naħa tagħhom, l-anzjani fid-dar laqgħu b’sodisfazzjon ż-żjara tal-Prim Ministru u l-amministrazzjoni Laburista fosthom it-tmexxija l-ġdida flimkien mal-Mexxej Laburista, id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat ukoll mill-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay.