Mill-bidu tas-sena skolastika li se tibda l-ġimgħa d-dieħla, l-istudenti u l-edukaturi tal-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex, se jibdew igawdu minn ambjent edukattiv ġdid b’investiment ta’ madwar tmintax-il miljun ewro.
Dan il-proġett kien jinvolvi l-bini ta’ skola primarja ġdida, li ħadet post l-iskola l-antika, kif ukoll kien jinkludi t-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus.
L-iskola l-ġdida tinsab fil-kampus edukattiv li diġà hemm fir-Rabat. Dan il-kampus huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna għaliex jinkludi ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, skola primarja, skola medja, skola sekondarja, kif ukoll is-Sixth Form.
L-Iskola Primarja l-ġdida għandha 16-il klassi għas-snin tal-edukazzjoni primarja u għaxar klassijiet għall-kindergarten, kif ukoll klassijiet għal suġġetti speċifiċi, fosthom għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija tal-informatika u tal-arti. L-iskola primarja u l-kindergarten flimkien kapaċi jilqgħu madwar 650 tifel u tifla. Fil-binja tal-iskola l-ġdida hemm ukoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal u bosta faċilitajiet sportivi.
L-iskola għandha daqs ta’ madwar 8,000 metru kwadru, bi 3,000 minnhom għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal. Bħala parti minn dan il-proġett sar ukoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja li hemm fl-istess żona.
Żaru dan il-proġett il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Il-Ministru Grima sostna li dan huwa proġett ieħor li huwa proġett ieħor li huwa parti mill-investiment infrastrutturali bla preċedent li qed nagħmlu fis-settur edukattiv.
“Ġranet qabel tibda sena oħra skolastika, żorna dan iċ-ċentru, ċentru li b’investiment ta’ tmintax-il miljun ewro ħa jkun qed jilqa’ mas-650 student li ħa jkollhom l-aqwa faċilitajiet. Dan huwa parti minn viżjoni usa’ li permezz tagħha rridu nagħtu kumpless uniku fil-ġenere tiegħu lill-istudenti Għawdxin li litteralment se jkollhom faċilitajiet fejn xulxin miċ-childcare, għall-primarja, medja, sekondarja, u saħansitra fil-livelli oħra aktar avvanzati.”
Il-Ministru Camilleri sostna li l-investiment b’risq uliedna mhux se jieqaf hawn, matul is-sena li ġejja se nirrinovaw b’mod totali żewġ skejjel Primarji oħra, dik taż-Żebbuġ kif ukoll Ta’ Kerċem.
“Skola li saret mill-ġdid, b’kostruzzjoni ġdida, b’partijiet li ġew refurbished u integrati mal-iskola l-ġdida b’sistemi wkoll ġodda u inovattivi fejn propju l-landscaping ġie integrat mill-ewwel fażijiet fid-disinn ta’ din l-istess skola.”