Il-kanċer tal-pajp tal-ikel hu wieħed mill-aktar rari, iżda pajjiżna diġà qed joffri kura speċjalizzata tal-ogħla livell għalih, inkluż bl-użu tar-robotika. Dan l-aħħar żvilupp fis-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna jissemma fi studju, li kien ilu għaddej għal numru ta’ snin u ġie ppubblikat riċentament f’ġurnal internazzjonali tal-mediċina.
L-istudju, li sar minn grupp ta’ professjonisti, inkluż il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, ġie wkoll ippreżentat waqt konferenza nazzjonali dwar il-kanċer, li saret taħt il-patronċinju tal-President Myriam Spiteri Debono, din il-ġimgħa.
Dwar dan, tkellimna mal-Ministru Abela nnifsu, li qal li d-dejta ttieħdet fuq sittin pazjent, fejn rat il-qalba minn operazzjoni tradizzjonali għal dik ta’ key-hole surgery, waqt li, mis-sena l-oħra, fl-isptar ewlieni Malti din saret aktar speċjalizzata, bir-robotika.
Semma kif, s’issa, diġà saru ħames operazzjonijiet simili.
“Aħna hemm bżonn li naraw li l-performance tagħna tkun tajba biex in-nies, li kellna ngħaqdu, il-pazjenti li ngħaqdu, ikollhom dik il-kunfidenza u li l-ispeċjalisti jkollhom il-kunfidenza li jittrattawhom dawn.”
L-informazzjoni miġbura f’pajjiżna taqbel ma’ dik ta’ pajjiżi oħrajn fejn tidħol din l-operazzjoni kumplessa f’partijiet differenti tal-ġisem, li jestendu mill-għonq saż-żaqq.
Mir-riċerka ħareġ ukoll li r-riżultati huma inkoraġġanti f’pajjiżna.
“Aħna sibna li, iva, id-dejta tagħna taqbel ma’ ta’ barra, l-għajxien hu kumparabbli, anzi favorevolment ma’ barra.”
Il-Ministru appella lill-professjonisti biex iżommu d-dejta, għall-ġid tal-pazjenti.
“L-importanti li l-informazzjoni tkun hemm kollha kemm hi, tajjeb għall-ispeċjalisti, imma l-importanti li din id-dejta importanti għall-pazjent, li jiġi l-ewwel u qabel kollox.”