F’intervista mal-ġurnalist tat-Times of Malta, Mark Laurence Zammit, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza, Bernard Grech qal li, jekk ikun fil-Gvern, idaħħal Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Dan minkejja li tali liġi, ilha fis-seħħ f’pajjiżna mill-2016 mindu daħħalha Gvern Laburista u, kif inhu sew magħruf, il-Partit Nazzjonalista ilu jiksirha sa mill-2020, proprju mindu Bernard Grech laħaq Kap u sal-lum għadu ma ppreżentax ir-rapporti finanzjarji awditjati tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali, kif inhu obbligat li jagħmel kull sena.
Meta l-ġurnalist staqsih dwar il-liġi, aktarx bl-intiża li jisħaq fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-Partit Nazzjonalista, Grech spiċċa jiżloq fin-niexef.
Ġurnalist: “Jekk titla’ fil-Gvern, iddaħħalha l-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti?”
Bernard Grech: “Irridu mmorru għaliha, iva, ukoll.”
Hu kompla jgħaffiġha meta qal hekk.
“Ikun hemm finanzjament tal-Partiti wkoll kif suppost.”
Din, iżda, ma kinitx l-unika taħwida tal-Kap Nazzjonalista fl-intervista ta’ siegħa. Fost l-oħrajn, hu saħansitra ddikjara li, jekk ikun fil-Gvern, jagħmel Ministru għall-Isport, minkejja li dan il-portafoll ilu jeżisti u, fl-aħħar snin, wassal għal riżultati prestiġjużi, inkluż bl-akbar investimenti li qatt rajna f’dan ir-rigward fl-istorja.
“Jien diġà tkellimt ċar. Tant nemmnu fl-isport, fost l-oħrajn, li rrid li jkollna Ministru għall-Isport.”
Fil-fatt, quddiem din it-taħwida u n-nuqqas t’għarfien ta’ Grech, il-ġurnalist spiċċa jikkoreġih u jgħidlu li diġà hemm Ministru għall-Isport. Iżda anke hawn il-Kap Nazzjonalista, imħawwad u konfuż, reġa’ għaxxaqha.
Ġurnalist: “Hemm Ministru għall-Isport …”
Bernard Grech: “Aħna ħa niggarantixxu li nagħmlu dan ukoll.”