Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se terġa’ titwaqqaf il-Qorti Kummerċjali. Waqt sessjoni ta’ diskussjoni, imtella’ miż-Żgħażagħ Laburisti, fejn kulħadd tħalla fil-libertà li jistaqsi li jrid, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Partit Laburista fil-Gvern irid ikompli jiġġedded biex iwettaq il-ħolm taż-żgħażagħ.
Meta ttratta l-qasam ġudizzjarju, il-Prim Ministru mhux biss innota l-bidliet li qed isiru, fosthom dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja, bil-pass li jmiss ikun il-bidliet li jridu jitwettqu favur l-ispeċjalizzazzjoni tal-ġudikant, iżda wkoll qal li l-Gvern se jkun qed iwaqqaf Qorti speċjalizzata għal każi kummerċjali.
Hawn tenna li b’hekk il-Qorti Kummerċjali ma tibqax parti mill-Prim Awla, anke fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku li esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar snin.
Quddiem esperjenza personali ta’ żagħżugħa dwar is-sistema korrettiva f’pajjiżna u sfidi differenti marbutin, fosthom mal-ordni tal-iffriżar, Dr Abela nnota bidliet li saru u qal li s-sistema penali ta’ pajjiżna trid tkompli timxi lejn waħda li tirriforma.
Hu wkoll iddiskuta maż-żgħażagħ il-portafoll assenjat lin-nominat Malti għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef, dak taż-Żgħażagħ, il-Ġustizzja bejn il-Ġenerazzjonijiet, l-Isport u l-Kultura.
Hawn, il-Prim Ministru, esprima d-diżappunt tiegħu, hekk kif kien hemm min ra l-portafoll taż-żgħażagħ bħala inqas importanti, waqt li wkoll enfasizza kif numru ta’ għaqdiet, fosthom dawk taż-żgħażagħ, laqgħu tali żvilupp pożittiv għal pajjiżna.
B’rabta mas-saħħa mentali, il-Prim Ministru fisser l-importanza ta’ aktar servizzi fil-komunità u qrib in-nies, filwaqt li, fil-każ tal-ippjanar, għamel enfażi li mhemm l-ebda tolleranza għal żvilupp fuq art verġni li mhix għall-iżvilupp u kif dwar dan diġà kien hemm bidliet pożittivi li saru.
Mistoqsi anke fuq proprjetajiet battala u dawk f’żona ta’ konservazzjoni urbana, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li l-Gvern irid ikompli jimbotta politika tal-inċentiv, flok jintroduċi taxxi ġodda.
Dwar l-industrija tat-turiżmu, wieħed mill-akbar kontributuri għall-ekonomija nazzjonali, il-Prim Ministru qal li pajjiżna jrid ikompli jħares lejn il-kwalità tat-turist mhux biss f’termini ta’ numri.
Qal kif ma nistgħux ngħidu le għal kull żvilupp, iżda rridu nħarsu li niksbu turiżmu ta’ livell għoli, frott l-investiment għaqli u ta’ kwalità, temm jgħid il-Prim Ministru.