Pajjiżna qed jirreġistra l-akbar konnettività bl-ajru li qatt kellu fl-istorja minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan qed iseħħ permezz tal-istrateġija mfassla mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, fejn il-mudell turistiku lokali qed jattira iżjed turisti ta’ kwalità ogħla matul is-sena kollha.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jirriżulta li, bil-kontra ta’ pajjiżi ġirien Ewropej, disgħa u disgħin fil-mija tat-turisti li jridu jżuru l-Gżejjer Maltin jaslu permezz tal-ajru.
Minkejja tali żvantaġġ ġeografiku, kull ma jmur hu evidenti li Malta qegħda dejjem issaħħaħ il-konnettività bl-ajru.
Dan jixhduh anke l-għadd ta’ linji tal-ajru minn madwar id-dinja, bejn dawk prinċipali u oħrajn low cost, li qed jagħżlu li joperaw titjiriet minn u lejn pajjiżna. Eżempji ta’ dan huma l-aħħar żidiet tal-linji tal-ajru AerLingus tal-Irlanda u dik Daniża, l-SAS.
L-AerLingus se tibda topera titjiriet minn Dublin għal Malta tliet darbiet fil-ġimgħa minn Ottubru li ġej.
Permezz ta’ din iż-żieda, Malta se żżid il-konnettività tagħha b’mod indirett ma’ ’l fuq minn 17-il ajruport fl-Istati Uniti u l-Kanada, fost l-oħrajn, minbarra t-Tramuntana tal-Ewropa.
Din il-ġimgħa tħabbar li, minn Marzu tas-sena d-dieħla, il-linja tal-ajru SAS – Scandinavian Airlines se tkun qiegħda tintroduċi titjira diretta minn Copenhagen, fid-Danimarka, għal Malta darbtejn fil-ġimgħa.
Għal din l-aħbar, il-Ministru responsabbli mit-turiżmu Clayton Bartolo qal kif inhu ċar li, permezz tal-istrateġija nazzjonali, pajjiżna qed jimxi lejn turiżmu ta’ kwalità ogħla u sostenibbli matul is-sena kollha.